Internazzjonali

Il-Covid: ‘Ħadd, sallum, ma jista’ jeskludi għal leak mil-laboratorju’

Ħadd ma jista’ jeskludi li l-virus tal-Covid seta’ ħareġ minn laboratorju fiċ-Ċina…Dan qalu eks xjenzat ewlieni mal-Gvern Ċiniż li hu wkoll fost l-aqwa viroloġisti fid-dinja u li sostna li ‘ix-xjenza ma twarrab għall-ebda xenarju’.

Il-Professur George Gao kien qed ikellem lill-BBC News wara li hu, bħala l-Kap taċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard (fiċ-Ċina), kellu rwol kbir fir-reazzjoni għall-pandemija u l-isforzi biex jinstabu l-oriġini tal-virus.

U l-kummenti ta’ Gao  huma ‘ħafna aktar xotti u diretti’ minn kull stqarrija tal-Gvern Ċiniż li għadu jiċħad li l-marda setgħet oriġinat mil-laboratorju ta’ Wuhan.

Il-Professur Gao, li hu wkoll immunoloġista ta’ reputazzjoni kbira, illum hu l-Viċi-President tal-Fondazzjoni Nazzjonali (Ċiniża) tax-Xjenza Naturali.

Fl-istess ħin, hu żvela lill-BBC li ċ-Ċina kienet wettqet ‘xi forma ta’ investigazzjoni formali’ rigward l-Istitut tal-Viroloġija f’Wuhan u li jndika li l-Gvern Ċiniż seta’ ittratta t-teorija ta’ ‘leak’ mil-laboratorju b’serjetà akbar milli kienu jindikaw l-istqarrijiet uffiċjali.