Internazzjonali

Il-Kosovo: Il-komunità internazzjonali mħassba wara l-aħħar dagħdigħa ta’ vjolenza

Il-President tas-Serbja Aleksander Vucic u l-Prim Ministru tal-Kosovo Albin Kurti kienu involuti fi gwerra bil-kliem wara l-vjolenza, aktar kmieni fil-ġimgħa, fin-naħa ta’ fuq tal-Kosovo fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Serbi.

Vucic, waqt diskors lil pajjiżu, qal li Kurti għandu jinżamm responsabbli għall-inkwiet fil-belt ta’ Zvecan fejn għexieren ta’ nies spiċċaw midruba waqt il-ġlied fit-tul. Fost il-midruba kien hemm anki xi 30 membru tal-qawwa KFOR għaz-zamma tal-paċi fil-Kosovo li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tan-NATO.

Il-President Serb appella wkoll biex is-Serbi fil-Kosovo ma jirrikorrux għall-vjolenza għaliex b’hekk, skont hu, ‘ikunu qed jirrealizzaw l-allegat pjan tal-Prim Ministru Kurti biex iqajjem konflitt ieħor bejn is-Serbja u n-NATO.’

Min-naħa tiegħu,Kurti qal li d-dimostranti li ssieħbu fil-protesti tat-Tnejn f’Zvecan kienu ‘estremisti li kienu qed jaġixxu fuq id-direttivi ta’ Belgrad (is-sede tal-Gvern tas-Serbja)’. Il-Prim Ministru anki waħħal il-vjolenza fi ‘gruppi kriminali’ li qal kienu qegħdin jaħdmu għall-President Vucic biex jiddistabbilizzaw it-Tramuntana tal-Kosovo’.

Is-sitwazzjoni qed tallarma lid-diplomati tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li ilhom ix-xhur jippruvaw iwasslu għal relazzjonijiet normali bejn is-Serbja u l-Kosovo. U x-xeni inkwetanti fi Zvecan servew biex jikkonċentraw mill-ġdid l-attenzjoni fuq l-issues li baqgħu mhumiex solvuti bejn il-minoranza etnika tas-Serbi fil-Kosovo u l-Gvern ta’ maġġoranza Albaniża fi Pristina.

Il-komunità internazzjonali sallum falliet fl-isforzi lejn it-tnaqqis ta’ tensjoni f’dak ir-reġjuni tal-Balkani. Dan ukoll meta s-Serbi etniċi u l-partiti politiċi tagħhom ix-xahar li għadda rrifjutaw li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet li saru f’erba’ muniċipalitajiet fin-naħa ta’ fuq tal-Kosovo – u f’liema ċirkustanzi spiċċaw eletti s-Sindki ta’ etniċità Albaniża fl-ibliet tal-Kosovo fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Serbi.