Lokali

Il-PBS jiċċensura lis-sindki tal-Qala u tal-Gżira li tkellmu waqt il-protesta tas-Sibt li għadda

“Jekk xi ħadd isib lis-Sindki tal-Gżira u tal-Qala għandu jinforma mill-ewwel lill-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS. L-aħħar li dehru kienu fil-protesta nazzjonali ‘Xebbajtuna’ tas-Sibt li għadda”

Dan qalu l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo f’post fuq Facebook wara li għal darba oħra l-PBS qed ikun akkużat illi xandar dak li qabillu; minflok kien imparzjali.

Waqt il-protesta nazzjonali tas-Sibt li għadda organizzata minn numru kbir ta’ għaqdiet ambjentali tkellmu fosthom is-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg u s-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manche.

Iżda min segwa r-rappurtaġġ tal-PBS lanqas biss ra l-interventi ta’ dawn iż-żewġ Sindki li indirizzaw il-protesta, għaliex fl-ebda ħin ma ssemma’ li dawn tkellmu.

Fi kliem semplici, il-kritika tas-Sindki Laburisti lejn il-Gvern ġiet kompletament iċċensurata mix-Xandir Nazzjonali. U l-unika indikazzjoni li dawn iż-żewġ sindki kienu preżenti huwa filmat ta’ żewġ sekondi – f’servizz ta’ kważi żewġ minuti.

Barra minn hekk, waqt dan is-servizz, il-PBS fl-ebda ħin ma ġab il-folla kollha li kienet preżenti għal din il-protesta; protesta li attendew għaliha eluf ta’ persuni. Iżda minflok huma ddeċidew li jġibu ftit nies mill-qrib sabiex tingħata l-perċezzjoni li għal din il-protesta ma kienx hemm wisq attendenza.

Xahar wara l-ieħor il-PBS qed ikompli jpinġi stampa differenti ta’ diversi stejjer. U dan qed jissokta minkejja d-diversi kundanni mill-Awtorita tax-Xandir.

Nies li għandhom għal qalbhom ix-Xandir Nazzjonali, irrimarkaw ma’ dan l-istazzjon illi dawn it-tip ta’ manuvri u manipulazzjonijiet juru li l-PBS għadu maħkum mill-Gvern ta’ Robert Abela, U ż-żewġ sindki ġew ċensurati għaliex riċentament ħadu azzjoni dwar deċiżjonijiet ambjentali ħżiena fil-lokalitajiet tagħhom.