Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin jitratta b’urġenza l-attakk bid-drones fuq Moska

Il-President tar-Russja ,Vladimir Putin, kellu laqgħa fit-tul mal-uffiċjali fil-Kremlin, wara li l-inħawi ta’ Moska ntlaqtu minn numru ta’ drones waqt attakk rari fuq il-kapitali Russa.

Id-drones ħallew il-ħsarat fil-bini u xi faċilitajiet pubbliċi, bis-sistemi tad-difiża tar-Russja jwaqqgħu l-parti kbira nett ta’ dawn l-inġenji. Sadanittant, kien ikkonfermat li d-drones laqtu wħud mill-aktar zoni sinjuri ta’ Moska, inkluża z-zona fejn għandhom ir-residenzi l-President Putin u uffiċjali oħra tal-elit Russu.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu, dritt wara l-attakk, fisser l-azzjoni bħala waħda ‘terroristika’ minbarra li akkuża lill-Ukrajna b’li qed tipprova tferrex il-gwerra lejn iz-zoni ċivili tar-Russja. Min-naħa tagħhom, l-Ukreni ċaħdu għal kull responsabbiltà fl-attakk bid-drones inkwistjoni.

Sadanittant, l-azzjoni bid-drones tidher li kienet it-tieni waħda dan ix-xahar fuq Moska wara allegat attakk simili fuq il-Kremlin. Hu minnu wkoll li l-attakk tal-aħħar sigħat kien jinvolvi l-akbar numru ta’ drones qatt użati għal attakk dirett fuq ir-Russja.

L-azzjoni bid-drones saret anqas minn 24 siegħa wara sensiela ta’ bumbardamenti — bil-missili u d-drones – tar-Russi fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna. Dan waqt li l-Kremlin qed isostni l-azzjoni bid-drones kontra Moska kienet ‘reazzjoni mill-Ukreni bil-ħsieb li jinvolvu l-massimu taċ-ċivili fil-gwerra’ li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.

Madankollu, is-sorsi qrib il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, irrifjutaw li l-Ukrajna kienet direttament involuta fl-attakk bid-drones fuq Moska waqt li akkużaw lir-Russi bħala ‘il-vera terrorista f’din il-gwerra’.

L-istess sorsi qalu li ‘kienu qegħdin jieħdu pjaċir’ bis-sitwazzjoni f’Moska waqt li bassru li l-kapitali Russa għandha tkun suġġetta għal azzjonijiet simili matul il-jiem li ġejjin.