Lokali Qorti

Jaqgħu akkużi kontra VET fuq talba ta’ martu wara li sakkar lilha u lil bintu d-dar

Raġel li allegatament żied serratura mal-bieb tad-dar tiegħu, li għamilha impossibbli għal martu u bintu li joħorġu, ġie meħlus minn konsegwenzi aktar serji wara li martu akkumpanjatu l-Qorti biex tirrinunzja l-akkużi kontrih. Il-professjonist mediku ta’ 63 sena li jaħdem bħala VET spiċċa taħt arrest wara li martu rrapportat nhar il-Ħadd filgħodu li ma setgħetx tħalli r-residenza minħabba li żewġha kien żied serratuta mal-bieb fejn la hi u lanqas binthom ma kellhom aċċess għalih.

It-tfajla ta’ 17-il sena kienet rieqda fil-ħin tal-inċident. Wara r-rapport il-pulizija kisbu mandat ta’ arrest li eżegwewh aktar tard għall-ħabta tas-6.30pm. It-Tlieta, ir-raġel ġie skortat il-Qorti fil-preżenza ta’ martu li magħha ilu f’relazzjoni ta’ 17-il sena.

Huwa wieġeb mhux ħati li żamm kemm lil martu kif ukoll lil bintu minorenni illegalment kontra r-rieda tagħhom. Ladarba bdiet is-seduta, l-avukat tal-vittmi, Lennox Vella, spjega li l-mara ma xtaqitx teskala l-kwistjoni. Humajoqgħodu taħt l-istess saqaf u għeluq snin binthom huwa nhar l-Erbgħa, l-aħħar ta’ Mejju.

Barra minn hekk, l-eżamijiet tagħha kienu fil-qrib u ommha ma xtaqetx iżżid l-istress fuqha. Għalhekk kienet qed tagħmel użu mill-fakultà f’termini ta’ liġi, u titlob li jitneħħew l-akkużi. “Nisperaw li l-buon sens jirbaħ,” temm jgħid l-Avukat Vella.

L-avukat difensur Franco Debono li flimkien mal-Avukat Sue Merieca dehru għal VET ingħaqad mat-talba tal-parti ċivili, u żied li l-inċident kien ta’ darba f’relazzjoni li ilha s-snin. “Int persuna ta’ l-intellet. Ir-relazzjoni tiegħek setgħet ġiet imċajpra imma. ara kif tista’ tirrikonċilja. Jekk kien hemm xi abbuż, m’għandux jerġa’ jiġi ripetut. Jekk meħtieġ, fittex l-għajnuna,” qal il-Maġistrat Kevan Azzopardi. waqt li kien qed jindirizza lill-akkużat.

Wara li qieset l-interessi taż-żewġ vittmi u, aktar u aktar, tal-minuri, kif ukoll fid-dawl tar-relazzjoni twila tal-partijiet, il-qorti laqgħet it-talba tal-mara fejn iddikjarat li l-proċeduri jiefqu hawn. Il-Qorti laqgħet talba għall-projbizzjoni tal-ismijiet kollha fid-dawl tal-fatt li waħda mill-vittmi kienet minorenni. L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni.