Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment biex tissaħħaħ il-lingwa Maltija anki b’mużew speċifiku

Justin Schembri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Justin Schembri sostna fil-parlament li għandu jsir iktra investiment biex il-lingwa Maltiaj tissaħħaħ

Justin Schembri tkellem dwar il-lingwa Maltija u qal li din tgħaqqad lill-poplu kemm bħala nazzjon kif ukoll fis-sens ta’ kultura u identità. Hu sostna li l-poplu Malti għandu interess ġenwin fil-lingwa Maltija u kompla li għandu jitwaqqaf mużew nazzjonali dedikat għal-lingwa Maltija.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jeħtieġ viżjoni kif il-lingwa Maltija tkun immexxija mill-passat waqt li tkun aġġornata; dan filwaqt li tkun imsaħħa biex tingħadda lill-ġenerazzjonijiet li jmiss. Dan f’perjodu fejn hawn theddida tal-lingwa Ingliża li tintuża fejn m’għandhiex tintuza u għalhekk thedded l-użu komunikattiv tal-lingwa Maltija.

Justin Schembri appella biex ikun hemm l-infrastruttura neċessarja fil-parlament biex il-lingwa Maltija titnuża dejjem u jsiru t-traduzzjonijiet neċessarji meta jsiru konferenzi fil-parlament Malti.

Il-lingwa Ingliża m’għandhiex tkun rikonoxxuta fuq il-lingwa Maltija, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li jrid isir investiment biex isir ċekkjatur biex jintuża mill-għalliema u l-għaqdiet tal-Malti, li jun hemm l-għodod neċessarji biex it-tfal isaħħu l-lingwa Maltija u biex it-tfal li m’humiex Maltin iżda jgħixu Malti jkollhm l-opportunità li jitgħallmu l-Malti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li d-djar tal-pubblikazzjoni għandhom ikomplu jissaħħu fil-pubblukazzjonijiet ta’ kotba bil-Malti. Jeħtieġ isir iktar investiment f’materjal iktar attraenti għat-fal tal-lum. Għandha tingħata kull għajnuna possibbli ta’ riżorsi umani lill-għaqdiet kollha li jagħmlu xogħol bla waqfien biex il-lingwa Maltija tkun rikonoxxuta anki fost l-istati membri tal-UE.