Lokali

Jeħtieġ li r-rapporti tal-Ombudsman jiġu diskussi

Waqt laqgħa li kellu mal-whips tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, l-Ombudsman Joe Zammit McKeon tenna l-appell tal-ispeaker sabiex f’pajjiżna tiddaħħal prassi ċara li permezz tagħha r-rapporti tal-Ombudsman ma jiġux biss preżentati fil-Parlament – iżda jkun hemm mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġu diskussi il-konkluzjoniijiet ta’ dawn ir-rapporti.

Il-laqgħa mad-Deputati Robert Cutajar u Andy Ellul kellha l-għan li ttejjeb il-kollaborazzjoni u l-ftehim bejn il-Parlament u l-Uffiċċju tal-Ombudsman, filwaqt li tirrispetta r-rwol kruċjali ta’ dan tal-aħħar fis-sistema Parlamentari Maltija.

Il-laqgħa kienet parti minn strateġija proattiva meħuda mill-Ombudsman biex titrawwem relazzjoni ta’ ħidma aħjar mal-Amministrazzjoni Pubblika u mal-Parlament.

L-Ombudsman insista dwar il-ħtieġa ta’ deliberazzjoni aktar sostanzjali fuq ir-rapporti mibgħuta lill-Parlament, li bħalissa qed jiġu biss imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra; u ma ssir ebda diskussjoni dwarhom.

Din il-kwistjoni tirrifletti wkoll l-istqarrija riċenti tal-iSpeaker Angelo Farrugia, illi saħaq fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex il-Parlament jiddiskuti r-rapporti tal-Ombudsman.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ufficcju tal-Ombudsman, intqal illi din il-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman u l-Membri Parlamentari għandha żżid il-kontabilità, tippromwovi l-governanza tajba, u tiżgura li l-inġustizji kkawżati mill-amministrazzjoni pubblika jiġu rimedjati.