Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ wara li allegatament agredixxa ħabib kbir tiegħu

Ħaddiem li jsuq il-forklifters ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li attakka żagħżugħ li qal li kien hu li rabbieh b’oġġett li jaqta’ waqt argument. Paul Borg ta’ 44 sena minn Santa Luċija ġie akkużat li attakka u weġġa’ gravi lill-allegat vittma f’Sta Luċija stess bi strument li jaqta’ u bil-ponta fil-ħin ta’ waranofsinhar tat-28 ta’ Mejju.

Borg kien akkużat ukoll li sar reċediv. L-Ispettur Paul Camilleri, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal lill-Maġistrat Kevan Azzopardi li l-vittma kien mar l-għassa l-Ħadd li għadda biex jirrapporta l-inċident. Iż-żewġt irġiel, li kienu jafu lil xulxin, kienu nvoluti f’argument li ddeġenera fi ġlieda, u żied li l-imputat innifsu kien qal dan fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija.

Borg huwa mifhum li telaq minn fuq il-post iżda mar lura ftit tal-ħin wara. Il-vittma kien sofra qatgħa fil-pala ta’ idu, li kienet ikklassifikata bħala ferita gravi mit-tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Filwaqt li l-vittma sostna li ntużat sikkina, l-imputat qal lill-pulizija li kien uża bott tal-birra.

Għalkemm l-inċident ma nqabadx fuq filmati tas-CCTV minn cameras fil-viċin, il-filmati kkonfermaw il-wasla tal-karozza tal-akkużat fil-post fejn kien seħħ l-inċident. Borg kien ta stqarrija lill-pulizija, iżda ma riedx se jiffirmaha, qal l-ispettur. Huwa kien qal lill-pulizija li kien involut fil-ġlieda u li kien uża bott tal-birra.

Fil-Qorti, Borg wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukat difensur Brandon Muscat talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu, u qal lill-Qorti li l-imputat ma kellu l-ebda interess li jerġa’ jara lill-vittma u li ma kien hemm l-ebda riskji previsti mil-liġi bħala raġuni biex tiġi rrifjutata l-libertà proviżorja.

L-ispettur qal lill-Qorti li l-filmati juru lill-imputat jaħrab minn fuq il-post. Il-vittma kienet saħqet li ntużat arma, reġa’ saħaq l-ispettur filwaqt li qal lill-Qorti li l-prosekuzzjoni kienet se tkun qed tikkontesta t-talba tal-imputat li aġixxa bħala self defence fi stadju aktar tard.

Il-Qorti osservat li r-rekord kriminali ta’ Borg kien juri mill-inqas żewġ inċidenti simili. “Il-vittma ma xehditx, jgħixu fl-istess lokalità, mhux l-ewwel darba li l-imputat kellu xkiel mal-liġi,” osservat il-qorti. Id-difiża saħqet li l-aktar kundanna riċenti tal-imputat kienet ħafna snin ilu, u talbet lill-qorti tagħti ċans ieħor lir-raġel.

Il-maġistrat laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qal lill-imputat li se jagħtih ċans wieħed biss. Borg ingħata l-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €250 u garanzija personali ta’ €2,000, u ġie ordnat ukoll jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni u pprojbit lir-raġel miż-żona partikolari ta’ Santa Luċija fejn kien seħħ l-inċident, fejn il-ground tal-football.