Lokali Parlament

L-Igaming ħoloq u għadu joħloq karrieri ta’ kwalità

Jerome Caruana Cilia, PN

“L-Igaming hu settur li ħoloq u għadu joħloq bosta karrieri ta’ kwalità, xogħol b’pagi value added li matul is-snin żiedu l-pagi medji f’dan il-pajjiż. Għal bosta adolexxenti, żgħażagħ u studenti, is-settur tal-igaming hu l-futur tagħhom”, sostna d-deputat Nazzjonalista u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia fl-Aġġornament tal-parlament.

Hu sostna li tajjeb inżommu f’moħħna illi dak kollu li niddeċiedu dwar dan is-settur se jħalli impatt dirett lill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna. “Għaldaqstant, nibqa’ ninsisti mal-Gvern biex dak li flimkien ksibna fil-passat, ma nitilfuhx. Flimkien jeħtieġ nassiguraw li nkomplu nsaħħu s-settur tal-gaming billi nnaqqsu l-burokrazija żejda, nisimgħu u nifhmu l-operaturi b’bosta snin ta’ esperjenza, insaħħu l-goveranza tajba u fuq kollox nagħtu nifs ġdid lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna”, saħaq id-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia.

“L-interess nazzjonali l-ewwel. L-interess nazzjonali għandu jkun l-ewwel. L-interess nazzjonali, ix-xogħol tal-ħaddiema, il-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-gaming għandu jkun l-ewwel u qabel kollox”, komola jgħid Jerome Caruana Cilia.

Hu spjega kif wara li l-Gvern bis-serjetà jsaħħaħ ir-rule of law u l-good governance u b’hekk insaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, il-Gvern għandu jara li jitwaqqaf working group, task force jew focus group speċjalizzat illi flimkien mal-professjonisti, il-ħaddiema u l-operaturi fis-settur tal-gaming, jaraw li ikun hemm marketing, forma ta’ re-branding and commuincative exercise lil hinn minn xtutna biex tassew nerġgħu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u nattiraw investiment dirett barrani serju u ta’ livell. Dan għandu jkun eżerċizzju organizzat u ffukat bil-għan li nattiraw il-kwalità aktar milli l-kwantità.

Jerome Caruana Cilia qal li l-awtorijtajiet iridu jkunu viġilanti u ma jaċċettawx operaturi mhux serji. “L-awtoritajiet għandhom ikunu iktar viliġanti. Jeħtieġ li jkompli jkun hemm due diligence serja, kif suppost”.