Lokali

“L-iskema ‘Irrestawra Darek’ farsa” – Kamra tal-Periti

It-tnedija tal-iskema tal-Gvern Irrestawra Darek huwa sinjal ċar li l-Awtorità tal-Ippjanar tiġi taqa’ u tqum mill-professjoni.

Dan saħqitu l-Kamra tal-Periti wara li t-Tlieta waranofsinhar, mat-tokki ta’ nofsinhar fetħet l-iskema iżda s-sit tal-Gvern weħel għal kollox bil-konsegwenza li sussegwentament din għalqet f’nofsinhar u minuta. Dan filwaqt li l-midja tal-Partit Laburista rrapportat li l-iskema nħatfet għal kollox u ddeskrivitha bħala waħda ta’ suċċess.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Pertii spjegat li l-iskema, li kienet irreklamata b’pompa u ftaħir liema bħalu, fetħet fil-ħin ta’ nofsinhar iżda għad-diżappunt kbir tal-klijenti u l-periti l-pjattaforma spiċċat mblukkata fi ftit sekondi…bl-applikazzjonijiet ma jgħaddux.

Huma saħqu li wara sagħtejn jiġġieldu mal-website….l-applikazzjonijiet sparixxiet fejn dan indika li l-iskema ntemmet mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Kamra tal-Periti spjegat li din l-iskema ħliet ġimgħa xogħol ta’ bosta professjonisti, b’riskju li l-klijenti spiċċaw b’xiber imnieħer…u għaldaqstant għal tali aġir minn naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar issa bosta periti se jkunu qed jispiċċaw ma jitħalsux għas-servizzi.

Huma insistew li din mhux l-ewwel darba li l-iskema falliet minħabba raġunijiet simili, iżda qatt ma kienet sitwazzjoni ħażina daqs tat-Tlieta waranofsinhar.

Għaldaqstant il-Kamra tal-Periti fost oħrajn qed titlob li l-Awtorità tal-Ippjanar tagħmel apologija lill-periti, kif ukoll lill-klijenti. Dan filwaqt li s-servizz tal-first come first serve trid tinqata’ u li l-iskema għandha tinfetaħ sal-aħħar ta’ Ġunju 2023.