“Se jkollna nitilqu lil sħabna, lil ħutna, lit-tieni familja tagħna – din hija krudeltà, aħna rridu nibqgħu flimkien – irridu nibqgħu fil-Kottonera.”
Dan kien l-appell tar-residenti, qraba u ħaddiema wara li fil jiem li għaddew mal-120 resident fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla qalulhom li kellhom ġimgħatejn ċans biex jiżgumbraw mid-Dar u jmorru f’residenza oħra – u ħafna minnhom se jispiċċaw il-Mosta, l-iMtarfa, il-Fgura, San Ġiljan, Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Ħal Tarxien, ir-Rabat jew saħansitra San Pawl il-Baħar.
It-Tlieta filgħodu Net News tkellem ma’ diversi residenti, ħaddiema u persuni li għandhom lil qrabathom fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla – lkoll kemm huma ma jistgħux jifmhu għalfejn l-anzjani qed jitkeċċew minn din ir-residenza.
Jumejn ilu l-Gvern ta’ Robert Abela kellu jikkonferma permezz ta’ e-mail lill-midja li din ir-residenza kienet għat-twaqqiegħ sabiex tinbena mill-ġdid, għaliex skonthom din id-dar mhix qed tilħaq ir-rekwiżiti regolatorji mitlubin mill-Awtorità tal-Istandards.
Madanakollu sa ftit tax-xhur ilu f’din ir-residenza diga’ sar investiment ta’ madwar €1 miljun f’chillers tal-arja kundizzjonata, restawr tal-faċċata, lifts, twieqi u puġġamani.
Ħaddiema li tkelmu ma’ Net News spjegaw li huma mhux biss inkwetati minħabba l-impjieg tagħhom u x’se jsir minnhom, iżda huma inkwetati ferm minħabba r-residenti li tant iħobbu, u li uħud minnhom ilhom jgħixu hemm għal żmien twil.
L-anzjani saħqu li fil-maġġoranza tagħhom huma mill-Kottonera u ċertament li se jsibuha ferm bi tqila sabiex joħorġu mill-inħawi ta’ Bormla u tal-madwar.
F’dawn il-jiem se tkun qed tinbgħat ittra fost oħrajn lill-Ministru JoEtienne Abela kif ukoll lil Robert Abela hekk kif għall-anzjani ….wara sentejn ta’ pandemija maqfulin fir-residenza, u issa b’din l-aħbar li se tisseparhom mit-tieni familja tagħhom…din hija inġustizzja kbira.
//= $special ?>