Ewropa Lokali

Roberta Metsola bi żjara fl-Islovakkja – tfakkar il-memorja tal-ġurnalist maqtul Kuciak

Official visit by Roberta METSOLA, EP President to Bratislava (Slovakia) - Meeting with Zuzana ČAPUTOVÁ, President of Slovakia

Fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju mill-qtil tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová , il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola iltaqgħet mal-ġenituri tagħhom fi Bratislava u fakkret il-memorja tagħhom.

Il-ġurnalist żagħżugħ inqatel fi Frar 2018 – 4 xhur biss wara l-Ewropa kienet maħsuda bl-assassinju tal-ġurnalista investigattiva oħra – Daphne Caruana Galizia. Meta inqatel, Ján Kuciak kellu 27 sena.

F’mument li ddeskriviet bħala emozzjonanti, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista qalet li l-legat u d-detrminazzjoni tal-ġurnalist biex jikxef il-verita’ għandhom jiġu onorati. Il-President Metsola wegħdet lill-ġenituri ta’ Kuciak u Kušnírová li l-Parlament Ewropew se jsaħħaħ il-ġlieda tiegħu favur il-ġustizzja, biex ikun hemm aktar kontabiltà u favur media ħielsa. Kompliet li l-ħidma tal-istituzzjoni Ewropea biex il-ġurnalisti jkunu protetti madwar l-Ewropa kollha mhix se tieqaf hawn.

Fil-jum internazzjonali tal-libertà tal-media, li ġie mfakkar fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-President Metsola sellmet lil Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak u sostniet li qatt ma kellhom jgħaddu minn dan kollu għaliex kellhom ikunu protetti. Qalet li l-assassinju tagħhom wassal għal bidliet kbar. Kompliet li l-Parlament illeġiżla, talab għat-tweġibiet u wettaq skrutinju, waqt li saħqet li l-istituzzjoni Ewropea se tibqa’ tinsisti biex titwettaq ġustizzja.

Intant, waqt iż-żjara tagħha fl-Islovakkja, l-President Metsola iltaqgħet mal-President Zuzana Čaputovà, fejn ddiskutew l-impenn biex jingħata aktar appoġġ lill-Ukrajna, u dwar l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa fix-xhur li ġejjin. Hija iltaqgħet ukoll mal-Prim Ministru Slovakk Ludo Odor.

L-MEP Maltija ħadet sehem ukoll f’konferenza internazzjonali dwar is-sigurtà, li għaliha attendew diversi mexxejja minn madwar id-dinja.