Lokali

Sentejn u nofs ta’ stennija: Il-Gvern ta’ Robert Abela jinsa lill-ħaddiema ta’ Transport Malta – PN

Numru ta’ ħaddiema jsegwu azzjoni industrijali wara t-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern ta’ Abela

Il-Partit Nazzjonalista jinsab diżappuntat li jara li Transport Malta ħadet aktar minn sentejn u nofs biex terġa’ lura bil-kontro-proposti għall-ftehim kollettiv tal-ħaddiema. Hu għalhekk li l-UĦM Voice of the Workers u l-ħaddiema li tirrappreżenta se jieħdu azzjoni industrijali.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u Ivan Castillo.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern ta’ Abela, li sab flus biex jiffinanzja l-korruzzjoni u l-iskandli iżda nesa lill-ħaddiema ta’ Trasport Malta, biex jagħti lill-ħaddiema dak li ħaqqhom.

Is-sitwazzjoni li ħoloq dan il-Gvern hi waħda li, jekk tibqa’ kif inhi, se tkun qed tipparalizza lill-pajjiż u se jkollha effett ekonomiku negattiv. Dan minbarra li se tkun qed titfa’ dell ikrah fuq ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna, kemm issa u kemm fil-futur.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li s-sitwazzjoni qatt ma kellha tasal s’hawn. Il-Gvern ta’ Robert Abela issa sab ruħu bla flus u huma l-ħaddiema li qed iħallsu għan-nuqqasijiet tal-Gvern għall-ispalpaljar tal-fondi pubbliċi.

Qed joħroġ aktar fiċ-ċar fuq kemm il-Gvern ta’ Abela m’għandux il-kapaċità li jiddentifika l-valur veru tal-ħaddiema tiegħu u jippremja lil dawk li huma ddedikati u jaghmlu xogħolhom sew. U b’dan kollu, il-Maltin u l-Għawdxin se jibqgħu jbatu mill-għoli tal-ħajja, bil-piżijiet jafu jiżdiedu aktar.

Robert Abela m’għandux soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja għax moħħu biss fit-tkaxkir tas-saqajn.