Lokali Qorti

Sentenza sospiża għall-koppja fuq serq minn supermarket

Koppja mill-Ġeorġja ngħataw sentenzi sospiżi ta’ ħabs wara li ammettew serq minn Supermarket ewlieni fil-Mellieħa valur ta’ kważi €600 f’oġġetti. F’każ li nstema’ t-Tlieta wara nofsinhar quddiem il-maġistrat Kevan Azzopardi, l-Ispettur Warren Galea akkuża lil Nika Chkhaidze ta’ 27 sena u lil Maia Martikovi ta’ 25 sena b’serq, aggravat biż-żmien u l-valur, fil-Mellieħa, il-lokalità li fiha joqgħodu wkoll il-koppja.

Chkhaidze, li qal lill-qorti li kien għadu kemm beda xogħol bħala cleaner u Martikovi, li tagħmel l-istess xogħol, wieġbu ħatja tal-akkużi. L-Ispettur Galea qal lill-Qorti li fit-28 ta’ Mejju, il-pulizija kienet irċeviet rapport dwar serq mill-Manager tas-supermarket in kwistjoni.

Fuq il-post kienu marru uffiċjali tal-pulziia li sabu lill-manager flimkien mal-individwi li huwa akkuża b’serq. Il-manager qal lill-pulizija li din ma kinitx l-ewwel darba li l-koppja kienet serqet oġġetti mis-supermarket, qal l-ispettur, li żied li f’din l-okkażjoni rahom jieħdu xi apparat u ikel.

Fuq il-bażi ta’ suspett raġonevoli, l-uffiċjali tal-pulizija mbagħad għamlu tfittxija fl-appartament tal-Mellieħa okkupat mill-akkużati, fil-preżenza tagħhom. Hemmhekk instab wieħed mill-oġġetti misruqa, ‘electric shaver’. Fil-Qorti Chkhaidze u Martikovi it-tnejn ammettew u affermaw mill-ġdid l-ammissjoni tagħhom wara li ngħataw biżżejjed żmien biex jikkunsidraw mill-ġdid l-ammissjoni tagħhom.

Fil-Qorti ngħad li Chkhaidze dan l-aħħar kien ingħata estensjoni tal-viża sabiex jibqa’ Malta ma’ martu. Meta eżaminat il-passaporti tagħhom, il-qorti osservat li l-ħatja ma kinux intitolati għal status umanitarju protett. Fis-sottomissjonijiet tagħha dwar is-sentenza, id-difiża talbet piena lejn il-minimu, u ssuġġerixxit sentenza sospiża fid-dawl tal-fatt li l-koppja ħatja kienu wkoll ġenituri ta’ tifel ta’ sitt snin.

“L-ammissjoni bikrija għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta,” qalu l-avukati, u ddikjaraw li l-koppja kellha l-intenzjoni li tħallas lura lis-supermarket għall-valur tal-oġġetti li kienu serqu, €595. Il-prosekuzzjoni qalet lill-qorti li ma oġġezzjonatx għas-suġġeriment ta’ sentenza sospiża.

Meta reġgħet bdiet is-seduta, kważi siegħa wara li l-maġistrat irtira fis-sigrieta biex jiddelibera dwar il-piena, il-koppja ngħatat sentenza ta’ 13-il xahar ħabs, sospiżi għal sentejn. Ġew ordnati wkoll iħallsu lura l-€595 f’sitt ħlasijiet mensili. Il-Maġistrat Azzopardi qal lill-akkużati biex joqogħdu attenti biex ma jaggravawx is-sitwazzjoni tagħhom fil-futur u jżommu f’moħħhom il-fatt li kellhom wild li jiddependi minnhom. L-avukati Brandon Muscat u Leontine Calleja rrappreżentaw lill-akkużati.