Lokali Qorti

Tliet snin ħabs wara li ġiegħel mara tagħmel atti sesswali kontra l-volontà tagħha

Ġermaniż ta’ 30 sena residenti Tas-Sliema ġie kkundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstab ħati li f’Ottubru ta’ sentejn ilu stupra mara Franċiża fl-appartament tiegħu f’Tas-Sliema. Bjorn Raeke instab ħati li stupra lill-mara fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Ottubru 2021 u li wetttaq fuqha atti sesswali li ma sarux bil-kunsens tagħha.

Ħareġ fil-Qorti li l-koppja ma kinux jafu lil xulxin. Huma ltaqgħu fuq Tinder li tlaqqa’ persuni għal relazzjoni, u ftehmu biex ikollhom x’jaqsmu flimkien. Huma ftehmu li jiltaqgħu l-Belt, Valletta u wara qabdu l-lanċa lejn Tas-Sliema u kellhom relazzjoni sesswali.

Madankollu fil-Qorti huma taw verżjonijiet differenti ta’ dak li seħħ. II-mara qalet li ġiet Malta biex taħdem u malli waslet pajjiżna daħlet fuq Tinder. Qalet li kienu qabdu jitkellmu fuq is-sess u ftehmu li jiltaqgħu. Il-mara xehdet fid-dettall l-atti sesswali li r-raġel talabha tagħmel.

Qalet ukoll li wara l-att sesswali, qaltlu wkoll li ma xtaqitx tiltaqa’ iktar miegħu għax kien bniedem egoist u moħħu biex jitkellem dwaru biss. Kompliet tgħid li ħassitha umiljata b’dak li talabha u ġegħelha tagħmel. Qalet li minkejja ma riditx tagħmel ċertu atti sesswali sfurzaha tagħmilhom kontra r-rieda tagħha fejn ħassitha ixxokkjata u umiljata.

Fix-xhieda tagħha qalet lill-Qorti li l-għada rrakkuntat dak li għaddiet minnu ma’ sħabha li kienu jgħixu magħha. Għall-ewwel ma kinitx se tagħmel rapport għax kienet sejra lura Franza. Madankollu baqgħet Malta u wara tliet ijiem iddeċidiet li marret rapport l-Għassa ta’ Tas-Sliema u kellmet ukoll avukat.

Min-naħa tiegħu, l-Ġermaniż xehed li huma ltaqgħu speċifikament biex ikollhom relazzjoni sesswali. Iddeskriva dak li għamlu flimkien fl-appartament tiegħu u insista li dak li sar kien bil-kunsens tagħha. Qal li qabel telqet mill-appartament hi bisitu u qaltu li riedet terġa’ tarah.

Wara li semgħet liż-żewġ partijiet il-qorti qalet li minkejja li f’moħħ ħafna nies id-deċiżjoni li żewġ persuni li ma jafux lil xulxin jiltaqgħu għas-sess tista’ tkun moralment ħażina, hija ma kinitx se tiġġudika lill-akkużat fuq l-aspett morali jew etiku. 

Il-Maġistrat Montebello qalet li r-relazzjoni sesswali ta’ bejniethom kienu kunsenswali. Il-kwistjoni qamet dwar sess li sar f’parti fejn il-vittma ma xtaqitx u li dan fl-ebda in ma sar bil-kunsens tagħha. Il-qorti qalet li kienet iffaċċjata minn żewġ verżjonijiet differenti u minn dak li semgħet li l-verżjoni tal-mara kienet aktar “konsistenti u kredibbli” mill-bidu sal-aħħar.

Il-Maġistrat qalet li rat il-messaġġi li t-tnejn bagħtu lil xulxin u qalet li r-raġel kien ħerqan li jagħmel is-sess. Hija ddeskrivietu bħala persistenti fl-imġiba tiegħu u sostniet li huwa impona fuq il-mara ċertu atti sesswali li hi ma riditx. Hi nnotat ukoll li fil-messaġġi li bagħtu lil xulxin bil-Whatsapp qabel u wara li kellhom x’jaqsmu flimkien, qaltu li ma riditx sodomija u meta kienet għandu qaltlu wkoll li ma riditx ikollha x’taqsam miegħu mingħajr kontraċċettiv. Il-mara qalet li minkejja li wissittu dwar dan hija hu xorta wettaq dan l-att kontra r-rieda tagħha.

Il-Maġistrat Montebello qalet ukoll li hi konvinta li r-raġel kellu ċertu fantasiji u ma tax każ ta’ dak li ma riditx il-mara u għalhekk sabitu ħati li stupraha f’parti ta’ ġisimha li hi ma xtaqitx u dan minkejja li wissietu kemm il-darba biex jieqaf. “Ftit li xejn hemm dubju li l-mara rrifjutat mhux darba, iżda bosta drabi t-talbiet tal-akkużat”, qalet il-maġistrat waqt li nnotat li l-vittma għamlet dan għal bosta drabi b’mod ċar u kategoriku.

Madankollu l-akkużat, xorta waħda wettaq dan l-att bil-konsegwenza li l-attitudni tal-mara nbidlet drastikament tant li pprovat tibqa’ kalma qabel ma ddeċidiet li titlaq mid-dar tiegħu. Minbarra t-3 snin ħabs il-Maġistrat Montebello ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ 3 snin favur il-mara u mmultat lir-raġel €1,000 għall-ispejjeż tal-esperti li tqabbdu fil-każ.