Futbol Sport

UEFA Europa League: Sevilla jittamaw li jirbħu s-seba’ titlu tagħhom kontra Roma

(Ritratt: EPA)

Sevilla se jaffrontaw lil Roma għada fil-Puskas Arena fid-9:00pm fil-finali tal-52 edizzjoni tal-UEFA Europa League.

It-tim Spanjol imexxi minn Jose Luis Mendilibar, li ngħaqad ma’ Sevilla f’Marzu 2023, se jkun qiegħed jikkompeti fis-7 finali ta’ din il-kompetizzjoni fejn rebaħ kull finali li lagħab fiha, bi tlieta minn dawk ir-rebħiet jaslu fi tlett snin konsekuttivi bejn il-2014 u l-2016, u bl-iktar rebħa riċenti tkun dik tal-2020 kontra Inter bl-iskor finali jkun ta’ 3-2.

Sevilla oriġinarjement bdew l-istaġun fil-UEFA Champions League, madankollu huma ġew eliminati fil-fażi tal-gruppi wara li temmew fit-tielet post, wara Manchester City u Borussia Dortmund, bit-tim Ingliż issa se jikkompeti fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni kontra Inter.

Bit-tielet post Sevilla avvanzaw għall-fażi tal-aħħar 32 tal-UEFA Europa League fejn għelbu lil PSV b’aggregate ta’ 3-2. Sevilla għelbu lil Fenerbache b’aggregate ta’ 2-1 fil-fażi tal-aħħar sittax. Fil-kwarti finali Sevilla affrontaw wieħed mit-timijiet favoriti għal din il-kompetizzjoni, fejn wara parita’ ta’ 2-2 f’Old Trafford, għelbu lil Red Devils fil-Ramon Sanchez 3-0 biex b’hekk għaddew għas-semi finali bi skor aggregate ta’ 5-2. Simili tal-kwarti finali Sevilla għal darb’oħra għelbu tim li kien kkunsidirat bħala wieħed mill-iktar favoriti f’din il-kompetizzjoni, meta għelbu lil Juventus b’aggregate ta’ 3-2 b’gowl ta’ Suso fil-ħin barrani fis-semi finali.

Ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tal-UEFA Europa Conference League se jilgħabu fit-tieni finali Ewropea tagħhom fl-era tal-kowċ Jose Mourinho, li fil-karriera tiegħu qatt ma tilef finali f’kompetizzjoni Ewropea. Il-kowċ Portugiż rebaħ ħames tazzi Ewropew, tnejn minnhom waslu fil-bidu tal-karriera tiegħu fejn kien qiegħed imexxi t-tim Portugiż Porto, fejn rebaħ il-UEFA Europa League fl-2003, kif ukoll il-UEFA Champions League sena wara fil-2004. Mourinho rebaħ it-tieni UEFA Champions League b’rebħa storika kontra Bayern Munich fil-2010 meta kien fit-tmexxija ta’ Inter. Fl-2017 Mourinho rebaħ ukoll it-tieni UEFA Eurppa League, din id-darba ma’ Manchester United. L-aħħar tazza Ewropea waslet l-istaġun li għadda fejn Mourinho sar l-ewwel kowċ li rebaħ it-tlett tazzi tal-UEFA, permezz tar-rebħa minima ta’ 1-0 kontra Feyenoord.

Għal kuntrarju ta’ Sevilla, Roma bdew l-istaġun fil-UEFA Europa League hekk kif kisbu kwalifikazzjoni awtomatika bir-rebħa tagħhom fil-UEFA Conference League. Huma temmew fit-tieni post fil-grupp taħt Real Betis li inqalgħu fil-fażi tal-aħħar sittax kontra Manchester United. Roma komplew il-vjaġġ tagħhom fil-fażi tal-aħħar 32 b’rebħa minima kontra Red Bull Salzburg b’aggregate ta’ 2-1. Fil-fażi tal-aħħar sittax għelbu lil Real Sociedad b’rebħa fi Stadio Olimpico ta’ 2-0 fl-ewwel leg, bit-tieni leg tkun draw ta’ 0-0. L-ikbar rebħa tagħhom fil-kompetizzjoni waslet kontra Feyenoord fil-kwarti finali bi skor aggregate ta’’ 4-2., hekk kif skurjaw żewġ gowls fil-ħin barrani. Rebħa missielta fis-semi finali kontra Bayer Leverkusen b’aggregate ta’ 1-0 li waslet b’rebħa fl-ewwel leg fl-Olimpico permezz ta’ gowl minn Eduardo Bove, li ħadet lil Giallorossi għat-tieni finali tagħhom f’sentejn ta’ tmexxija ta’ Jose Mourinho.

Ir-referee tal-partita se jkun l-Ingliż Anthony Taylor, li kien inkarigat ukoll milll-finali tal-UEFA Super Cup tal-2020 bejn Bayern Munich u Sevilla kif ukoll mill-finali tal-UEFA Nations League tal-2021 bejn Franza u Spanja.