Lokali Parlament

Xejn konkret dwar x’se jiġri mid-Dar għall-Anzjani ta’ Bormla

F’diskors fil-parlament, il-Ministru għall-Anzjani Joe Etienne Abela baqa’ ma qal xejn konkret dwar x’inhuma l-pjani tal-gvern għad-Dar għall-Anzjani ta’ Bormla. Dan wara li fl-aħħar ġranet l-anzjani li jgħixu f’din id-dar kienu avżati li se junu rikolati fi djar oħra minħabba li jew se jsiru xi xogħlijiet fid-dar inkella id-dar se titwaqqa’ kompletament.

Fl-Aġġornament tal-parlament llejla Jo Etienne Abela tkellem fuq standards fid-djar għall-anzjani u qal li hemm xniegħat u gideb li l-gvern irid b’kapriċċ jagħalq id-dar għall-anzjani ta’ Bormla. Hu sostna li hu kien marbut mal-Kottonera għax hu u ommu tgħallmu jgħumu fil-Kottonera.

Il-Ministru Abela qal li d-dar ta’ Bormla għandha tinqala’ mill-qiegħ u tkun rinovata u sostna li jifhem li n-nies huma marbuta mal-post li jikbru fih.

Minkejja dan, ma jistax jaċċetta t-telefonati u l-messaġġ li rċieva dan l-aħħar biex l-anzjani jibqgħu fil-Kottonera, sostna l-Ministru Abela, li kompla li l-anzjani fid-djar għall-anzjani qed iċedu 60% tal-pensjoni fid-djar għall-anzjani.

Il-Ministru Abela qal li mhux aċċettabbli li fil-Kottonera, il-benniena tal-PL, l-anzjani jgħixu f’hostel waqt li anzjani oħra f’postijiet oħra jgħixu fi djar ta’ ħames stilel.

Dwar l-istandards, il-Ministru Abela qal li bl-investiment kontinwu tal-gvern u s-sħubija mal-privat, fil-pajjiż hemm differenza bejn djar għall-anzjani fuq in-naħiet differenti tal-Port.

Dan mhux aċċettabbli, sostna l-Ministru Abela, li kompla li l-gvern irid jagħmel minn kollox dwar is-sigurtà. Issa trid issa qabża fil-kwalità, qal il-Ministru Abela, li kompla li fl-aħħar sentejn intefqu l-flus f’din id-dar.

Hu qal li fl-2019 ma sar ebda investiment fid-dar ta’ Bormla, fl-2021 kien hemm stallazzjoni tac-chillers bi spiża ta’ €338,000, sar passenger lift ta’ €18,000, fl-2022 saret fire alarm b’nefqa €39,000 u saru alterazzjonijiet fit-twieqi tad-dar b’nefqa ta’ €243,000.

Il-Ministru Abela qal li l-konkos tal-galleriji tfarrak u sostna li l-gvern mhux se jistenna rapport li d-dar ta’ Bormla tkun fi stat gravi qabel jieħu l-azzjonijiet.

Jo Etienne Abela qal li l-anzjani qed ikunu mxewxa u jridu jkunu mċaħħda mill-progress. Hu kompla li l-anzjani ngħata spjega u ingħataw għażla fejn iridu jmorru fid-djar offruti. Il-Ministru Abela qal li l-ħaddiema għandhom iserħu rashom li fil-pajjiż hawn xogħol għalihom.