Lokali Parlament

6 xhur ta’ silenzju jtarrax dwar il-każ Jean Paul Sofia

Jerome Caruana Cilia, PN

“Għaddew 6 xhur ta’ silenzju jtarrax dwar il-każ Jean Paul Sofia. Nhar is-Sibt li ġej ngħalqu 6 xhur mit-traġedja li seħħet nhar it-3 ta’ Diċembru 2022 u għadna ma smajna xejn minn min hu f’awtorità ħlief kliem fieragħ. Qas ħadd ma jista’ jimmaġina d-dulur li għaddejjin minnu ommu u missieru u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia”, qal id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fil-parlament.

Hu sostna li n-nies qegħdin jistaqsu għaliex il-Prim Ministru ma jridx jaħtar inkjesta pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia Forsi se jinkixfu stejjer ta’ persuni li b’mod sfaċċat kissru numru ta’ u regoli? “Lil min qed tgħattu? Forsi dawn il-persuni huma qrib ħafna tal-Gvern Laburista? Possibbli dawn il-persuni involuti għandhom daqstant saħħa li ma jħallux lill-Gvern jaħtar inkjesta pubblika? Il-Gvern għalfejn qed jibża’ minn inkjesta pubblika? Possibbli ma hemm ħadd mill-Kabniett li għadu ma ndunax li l-poplu jrid inkjesta pubblika biex inkunu nafu l-verità u l-verità kollha? Kemm se ddejjaq nies il-konklużjonijiet tal-inkesta pubblika? Minn xiex qed tibżgħu? Lil min qed tiddefendu?” staqsa d-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia.

Jerome Caruana Cilia qal li għandna nammirawha lil Isabelle Bonnici, omm Jean Paul, għaliex minkejja l-weġgħat li għaddejja minnhom, minkejja d-dulur perpetwu u minkejja l-ostakli kollha li qed tiffaċċja, kuljum tibqa’ tiġġieled favur il-verita’ u l-ġustizzja. “Ma nistgħux inħalluk waħdek u m’aħniex se nħalluk waħdek”, tenna Jerome Caruana Cilia.

“Ninsisti mal-Gvern, f’isem din il-familja, iżda mhux biss, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, biex il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika. Iva trid tinħatar inkjesta pubblika biex tassew l-affarijiet jimxu bi trasparenza u mhux ħabi”, sostna Jerome Caruana Cilia.