Basketball GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 – Basketball: Il-Maltin jirkupraw b’rebħa stupenda fuq Montenegro

Colin Schembri

Montenegro…….66

Malta………………78

(16-19)(20-19)(13-24)(17-16)

It-team nazzjonali tal-irġiel kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fil-kompetizzjoni meta għeleb lil Montenegro 78-66. It-team Malti kien dominanti taħt il-board meta kellna 49 rebound kontra it-33 tal-avversarji. Il-player Eric Washington wera l-potenzjal tiegħu fejn kellhu 20 punt, 11-il assist u 8 rebounds. Nelson Kahler spiċċa l-partita b’sebgħa basketrs minn seba’ tentattivi fil-waqt li t-team Malti kellhu 34 minuta u 23 sekonda fil-vantaġġ. Ankè l-persentaġġ tas-shooting kien favorevoli għal Maltin b’total ta’ 47.6% fil-waqt li Montenegro kellhom 32.8%.

Kienu Montenegro li għamlu l-ewwel basket tal-partita permezz ta’ Durisic wara kważi żewġ minuti. Il-Maltin irrispondew permezz ta’ Washington, Kahler u Nathan Xuereb biex sar-raba’ minuta ħadu vantaġġ ta’ sitt punti. Montenegro rrispondew bi trippla ta’ Zivanovic u bdew jaqsmu l-logħob mal-Maltin tant li sas-seba’minuta għamlu l-iskor indaqs 12-12. Aaron Falzon wieġeb bi trippla għal Malta u wara li Andusic wieġeb għal Montenegro, il-Maltin għalqu t-taqsima bil-punti ta’ Washington u Falzon għal skor ta’ 19-16.Fit-tienisessjoni l-Maltin baqgħu fuq quddiem wara punti minn Samuel Deguara u t-tieni trippla ta’ Falzon flimkien ma’ Washington. Hawn Montenegro kellhom mument tajjeb bi tmien punti mingħajr risposta u rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ iżda ħames punti minn Washington fosthom trippla fl-aħħar sekonda rat lil Maltin jidħlu jistrieħu 38-36 minn fuq.

Wara l-intervall kien Xuereb li kabbar il-vantaġġ tal-Maltin li komplew bi break ta’ 10-2 b’aktar punti minn Kahler, Joshua Tomasi u trippla ta’ Washington għal skor ta’ 53-41. Montenegro dehru maħsuda u għalkemm ippruvaw jirkupraw permezz ta’ Vukovic, Jacob Formosa għamel żewġ trippli għal Malta għal skor ta’ 69-42. Vokovic baqa’ ta theddida għat-team Malti meta fetaħ b’żewġ trippli fl-aħħar taqsima però pronta kienet ir-risposta Maltija permezz tal-player ta’Virtus Ragusa Kurt Cassar li wkoll kiseb żewġ trippli. Il-vantaġġ Malti issa kien ta’ 16 -il punt 73-57 u minkejja li Vukovic kompla jitħabat, sħabu ftit li xejn għenuh tant li kien hu biss li kiseb il-punti f’din it-taqsima. Il-players Maltin komplew jikkontrollaw u kisbu r-rebħa fost il-ferħ tal-partitarji numerużi fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech u l-Kelliem għall-Isport Graham Bencini. Malta tibqa’tittama li tikseb l-ewwel post hekk kif illum tilgħab kontra l-Lussemburgu.

MontenegroBelsa Zivanovic 9, Bogdan Bojic, Miles Krivokapic, Zdravko Boskovic, Marko Kljajevic 3, Petar Kusovac 3, Viktor Vujisic 7, Petar Durisic 3, Milos Vujovic 9, Nenand Vukovic 24, Filip Andusic 8.

Malta: Ian Felice Pace, David Bugeja, Alec Felice Pace, Joshua Tomasi 4, Nathan Xuereb 5, Tevin Falzon 1, Jacob Formosa 11, Aaron Falzon 10, Kurt Cassar 9, Nelson Kahler 14, Samuel Deguara 4, Eric Washington 20.