Basketball GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 – Basketball Irġiel: Telfa għat-team Malti fl-ewwel partita

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Malta……….50

Ċipru………..75

(11-21)(17-22)(16-13)(6-19)

Quddiem padiljun mimli, it-team nazzjonali tal-irġiel kellhu riżultat differenti kontra l-istess avversarji tan-nisa meta sfortunament ħarġu telliefa kontra Ċipru 75-50. Ħarsa ħafifa lejn l-istatistika tal-partita turi li Ċipru kienu aħjar minn Malta b’mod partikolari fit-three pointers fejn Malta kellhom 5 minn 33 tentattiv fil-waqt li Ċipru kellhom 11 minn 33. It-team Malti kellhu wkoll 21 turnover kontra id-disgħa tal-avversarji fil-waqt li m’approfittajniex biżżejjed mill-offensive rebounds meta minn total ta’ 19 -il rebound fl-attakk għamilna 15 -il punt. Il-players li daħlu minn fuq il-bank ta’ Ċipru kellhom total ta’ 21 punt fil-waqt li l-Maltin kellhom 15. Ċipru għamlu total ta’ 20 punt mit-turnovers tal-Maltin li qatt ma kienu minn fuq tul il-partita kollha, ħaġa li Ċipru għamlu għal 38 minuta u 46 sekonda.

Konstantinos Simitzis fetaħ tajjeb għaċ-Ċiprijotti meta beda l-partita b’żewġ trippli. It-team Malti naqqas id-distakk grazzi għal Joshua Tomasi u Samuel Deguara fil-waqt li trippla ta’ Jacob Formosa għamlet l-iskor indaqs fil-ħames minuta 9-9. Hawn però waslet doċċa kiesħa fuq il-Maltin hekk kif Ċipru għamlu run ta’ 12-2 b’aktar trippli minn Stylianou u Iliadis biex temmew l-ewwel sessjoni 21-11 minn fuq. It-tieni taqsima fetħet b’ħames punti oħra għal Ċipru minn Maragkos u huma komplew jiddominaw sa’ nofs is-sessjoni tant li fetħu vantaġġ ta’ 17 -il punt 35-18. Hawn il-players Maltin dehru se jirkupraw tant li għamlu run ta’ 10-0 bil-punti ta’ Tomasi, Deguara u Nathan Xuereb biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 28-35. Fl-aħħar minuta u nofs però Ċipru reġgħu ġew f’tagħhom u għamlu tmien punti mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 43-28 minn fuq.

Wara l-intervall kien hemm il-punti ta’ Kurt Cassar u Tomasi għal Malta qabel ma Ċipru għaqqdu break ieħor ta’ 12-0 fosthom trippla minn Simitzis għal skor ta’ 55-31. Trippli minn Tevin Falzon u Eric Washington fetħu run oħra ta’ 13-2 mit-team Malti li reġgħu daħlu fil-partita hekk kif id-distakk reġa’ niżel għal 12 -il punti fi tmiem it-taqsima, 44-56. Fl-aħħar perjodu però Ċipru ddefendew tajjeb tant li ħallew lil Maltin b’sitt punti biss. Ċipru kellhom fost l-oħrajn run oħra ta’ 9-0 li tathom vantaġġ ta’ 22 punt u ftit kien għad fadal tama li t-team Malti jsalva r-riżultat. Il-partita ntemmet bi skor finali ta’ 75-50 favur Ċipru biex issa Alan Wells irid jogħlli l-moral tal-players qabel l-impenn li jmiss kontra l-qawwa ta’ Montegro fil-partita li jmiss, L-Erbgħa 31 ta’ Mejju.

Malta: Ian Felice Pace, David Bugeja, Alec Felice Pace, Joshua Tomasi 14, Nathan Xuereb 2, Tevin Falzon 6, Jacob Formosa 3, Aaron Falzon 2, Kurt Cassar 3, Nelson Kahler 4, Samuel Deguara 10, Eric Washington 6.

Ċipru: Christos Loizides 2, Muosa Zayd 1, Konstantinos Simitzis 17, Ioannis Pasiali, Stefanos Iliadis11, Kyprianos Maragkos 7, Aineas Jung 4, Michalis Koumis 12, Filippos Tigkas 3, Panagiotis Markou, Roberto Mantovani, Nikolaos Stylianou 18.

(Ritratt: Martin Agius)
(Ritratt: Martin Agius)
(Ritratt: Martin Agius)