Basketball GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 – Basketball Nisa: Il-Maltin jibdew b’rebħa kontra Ċipru

(Ritratt: Martin Agius)

Colin Schembri

Malta……….82

Ċipru………. 58

(22-10)(17-13)(15-22)(28-13)

It-team nazzjonali Malti tan-nisa kellhu bidu mill-aqwa meta fl-ewwel partita għeleb lil Ċipru 82-58. Nistgħu ngħidu li apparti xi waqtiet qosra, it-team Malti taħt it-tmexxija ta’ Angela Adamoli kien fil-kontroll assolut tal-partita. Spikkat il-player Amber Melgoza li kellha total ta’ 32 punt fosthom 4 three pointers u persentaġġ mill-aqwa ta’ 72.7% fil-baskets. Numri oħra tajbin kienu is-66% ta’ Steffi De Martino fit-trippli (4 minn 6) u l-kontribut siewi ta’ Amelia Simmons, sostituta importanti fl-iskemi ta’ Adamoli. Malta spiċċat ukoll b’50 rebound kontra it-33 ta’ Ċipru bi players bħal Ashleigh Van Vliet u Josephine Diaby jitħabtu taħt il-boards. Il-kontribut tal-players li daħlu minn fuq il-bank kien simili għaż-żewġ timijiet bil-players Maltin ikollhom 17 -il punt u ta’ Ċipru 16.

L-ewwel sessjoni kellha bidu bilanċjat fejn il-Maltin fetħu tajjeb b’żewġ baskets minn Melgoza fil-waqt li Ċipru kellhom risposta minn Orlovic u Pangalos. Fit-tielet minuta waslet l-ewwel trippla ta’ Melgoza hekk kif il-players Maltin bdew jiftħu l-vantaġġ tagħhom. Kien hemm ukoll il-punti minn Van Vliet u trippli ta’ De Martino u Simmons flimkien ma’ basket minn Nicola Handreck biex is-sessjoni ntemmet bil-Maltin 22-10 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Simmons fetħet b’ħames punti konsekuttivi u għalkemm Ċipru ppruvaw jirkupraw speċjalment bil-punti ta’ Akathiotou sas-sitt minuta, baskets minn Melgoza u De Martino ħallew lil Malta 34-16 minn fuq. Hawn Ċipru għamlu sitt punti mingħajr risposta però kienu l-Maltin li temmew l-aħjar bil-punti ta’ Melgoza biex daħlu jistrieħu 39-23 minn fuq.

Wara l-intervall il-mument tajjeb mill-players Maltin kompla għaddej speċjalment minn Melgoza u Van Vliet li bejniethom għamlu 11 -il punt fl-ewwel tlett minuti. Hawn wasal l-aqwa mument taċ-Ċiprijotti meta ħasdu lill-Maltin b’run ta’ 17-2 fosthom bi trippli minn Akathiotou u Chenaklieva u sa’ tmiem is-sessjoni waslu sa’ disa’ punti ‘l bogħod 54-45. Fl-aħħar perjodu kienu l-Malti li kellhom l-aħjar bidu b’seba’ punti mingħajr risposta. Ċipru ppruvaw sforz ieħor però De Martino kienet strumentali b’żewġ trippli flimkien ma’ Van Vliet u Simmons f’run stupenda ta’ 15-0 fost il-ferħ tal-partitarji Maltin. Fl-aħħar ħinijiet kien hemm spazju għall-aħħar trippla ta’ Ċipru minn Georgiou però r-rebħa marret għand it-team Malti fuq skor finali ta’ 82-58.

Malta: Amber Melgoza 32, Kristy Galea 1, Mikela Riolo, Ylenia Bonett, Nicola Handreck 2, Steffi De Martino 16, Ashleigh Van Vleit 15, Sophie Abela, Jessica Azzopardi, Amelia Simmons 14, Josephine Diaby 2, Danika Galea.

Ċipru: Veatriki Akathiotou 14, Stefania Georgiou 3, Stilyana Chenaklieva 5, Eleni Pilakouta 9, Andriana Kasapi, Marissa Pangalos 6, Tijana Raca, Petra Orlovic 12, Rafaelia Kasini 2, Cassidy Mihalko 1, Sofia Stylianidi, Ioanna Kyprianou 6.

(Ritratt: Martin Agius)
(Ritratt: Martin Agius)
(Ritratt: Stephen Christopher Vella)
(Ritratt: Stephen Christopher Vella)
(Ritratt: Stephen Christopher Vella)
(Ritratt: Stephen Christopher Vella)