Internazzjonali

Iċ-Ċina: Iżżomm lura minn avviċinament mal-Istati Uniti

Iċ-Ċina mhix lesta biex tnaqqas mit-tensjoni mal-Istati Uniti…Tensjoni li laħqet livell akut bejn dawn is-super-potenzi li ilhom żmien għaddejjin bid-diżgwid relatat mal-politika barranija u anki l-politika ekonomika taż-żewġ pajjiżi.

Il-Gvern komunista f’Beijing issa ma aċċettatx talba tal-Istati Uniti għal laqgħa bejn l-ogħla uffiċjali tad-Difiża taż-żewġ pajjiżi u li setgħet issir fi kwistjoni ta’ jiem bejn is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Lloyd Austin u l-Ministru tad-Difiża Ċiniż Li Shangfu.

Kien ittamat li l-laqgħa ssir wara l-kwinti tad-Djalogu ta’ Shangri-La – forum annwali dwar is-sigurtà li se jsir f’Singapore bejn it-2 u l-4 ta’ Ġunju. Iżda waqt li l-Istati Uniti qed tipprova tirristawra l-komunikazzjonijiet fuq livell għoli ma’ Beijing, iċ-Ċina tinsab attenta minn kwalunkwe pass li jista’ ikun interpretat bħala dgħjufija min-naħa tagħha.

It-tensjoni bejn Washington u Beijing żdiedet minħabba d-diżgwid dwar it-Tajwan; l-akkużi u kontro-akkużi dwar l-allegata bużżieqa għall-ispjunaġġ taċ-Ċina fuq l-Istati Uniti u l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna li baqa’mhux ikkundannat mill-President Ċiniż Xi Jinping.

Iċ-Ċina qed timponi anki limiti għal kwalunkwe politika ta’ rikonċiljazzjoni  mal-Istati Uniti minħabba s-sanzjonijiet ta’ Washington għall-esportazzjoni ta’ materjal relatat mal-armamenti u tagħmir teknoloġiku minn dan il-pajjiż. Hemm imposti wkoll is-sanzjonijiet ekonomiċi għal Beijing – biċ-Ċina tinsab urtata dwar il-politika ta’ Washington li qed tqisha bħala kampanja speċifika biex tnaqqsilha l-influwenza fuq livell globali.