Internazzjonali

Il-Korea t’isfel: Maħsudin minn allarm falz waqt il-falliment ta’ prova b’satellita

Ir-residenti f’Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel, qamu mis-sodda f’paniku fost il-ħsejjes ta’ sirena biex jindikaw rejd tal-ajru imminenti – u fost id-direttivi għall-evakwazzjoni fuq il-loud speakers li s-soltu jwasslu l-messaġġi għal allert pubbliku.

Iżda waqt il-konfużjoni sar magħruf li t-twissija, fil-fatt, kienet parti minn allarm falz wara li l-Korea ta’ Fuq komunista kienet falliet f’attentat biex ittella satellita għall-ispjunaġġ fl-ispazju. Sar magħruf ukoll — wara li s-satellita kraxxjat fil-baħar — li t-Tmexxija komunista fi Pyongyang ‘kienet qed tfittex l-ispjegazzjonijiet immedjati’ għad-disfatta.

Ir-reġim fi Pyongyang qed jipprova juri lill-Korea t’Isfel, l-Istati Uniti u l-Alleati l-oħra ta’ Seoul li ħaqqu r-rispett bħala ‘potenza’ fir-reġjun u l-falliment tas-satellita żgur ma niżlitx tajjeb mal-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un.

Dan ukoll wara li Pyongyang, qabel, kien ħabbar il-pjani biex, sal-11 ta’ Ġunju, itella satellita għall-moniteraġġ tal-attivitajiet tal-militar Amerikan fir-reġjun.

It-twissija ta’ Pyongyang kienet anki valida għar-residenti ta’ Okinawa, fin-nofsinar tal-Ġappun, li mifhum li kienu lesti għall-prova tas-satellita inkwistjoni.