Internazzjonali

Il-Kosovo: Miżuri wara l-inkwiet fi Zvecan

L-Istati Uniti ħabbret il-miżuri kontra l-Kosovo talli t-Tmexxija fi Pristina injorat il-pariri ta’ Washington biex ma tqajjimx tensjoni fiz-zoni tat-Tramuntana tal-pajjiż fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Serbi.

L-Amerikani anki kritikaw id-deċiżjoni tal-Kosovo biex tikkonferma lis-Sindki Albaniżi-etniċi f’dawk iz-zoni ‘bl-użu tal-forza’.

Is-sitwazzjoni fil-Kosovo ma rritornatx għan-normal wara li l-pulizija u t-truppi tan-NATO, nhar it-Tnejn, ippruvaw irażżmu lid-dimostranti Serbi waqt ġlied qalil fl-inħawi ta’ Zvecan.

Id-dimostranti fi Zvecan kienu pruvaw jidħlu fil-bini tal-Gvern biex jipprotestaw dwar it-tmexxija tas-Sindki Albaniżi fiz-zoni u d-distretti ta’ maġġoranza Serba. Sadanittant, in-NATO, issa, qed tistazzjona aktar mijiet ta’ truppi fil-Kosovo wara li għexieren tal-membri tal-qawwiet għaz-zamma tal-paċi kienu sfaw midruba fl-inkwiet.