Lokali

Il-Mostin irrabjati lejn il-Gvern u lejn il-Kunsill

Fil-Mosta bħalissa għaddej ammont kbir ta’ xogħol li qed iqajjem tħassib kbir u xi ftit jew wisq skumdità fost ir-residenti Mostin. Għalkemm is-sitwazzjoni preżenti mhix waħda ta’ sempliċi skumdità, iżda anke ta’ periklu.

Ix-xogħlijiet li qegħdin isiru f’diversi toroq prinċipali fil-Mosta – inkluż fil-pjazza, fi Triq il-Kostituzzjoni kif ukoll fit-Triq il-Kungress Ewkaristiku li bħalissa tinsab magħluqa kompletament – ilhom ikaxkru għal diversi xhur. Dan wara li x-xogħol fi Triq il-Kbira ukoll dam ikarkar sentejn sħaħ.

Sfortunatament, ħafna residenti qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex joħroġu minn djarhom, u n-nuqqas ta’ parkeġġ qiegħed iżid il-frustrazzjoni qalb il-Mostin.

Minkejja li l-awtoritajiet insistew li dan il-proġett se jtejjeb l-immaniġġjar tat-traffiku fiż-żona, jidher ċar li qed jiġri bil-maqlub, b’riżultat ta’ aktar konġestjoni u dewmien għas-sewwieqa. Dan hekk kif diversi residenti qegħdin jilmentaw fuq in-nuqqas ta’ preżenza adekwata ta’ uffiċjali sabiex jiggwidaw it-traffiku, mingħajr barrikati li jagħtu direzzjoni ċara kemm għas-sewwieqa u anke  għal min jgħaddi bil-mixi.

Il-pjazza tal-Mosta jgħaddu minnha ammont enormi ta’ karozzi u hija frekwentata minn mijiet ta’ nies li ta’ kuljum imorru l-knisja, iżuru l-ħwienet li hemm fil-madwar, il-poliklinika, l-uffiċċju postali, l-uffiċċju tal-Kunsill, u l-għassa tal-pulizija fost oħrajn. Dan apparti hafna turisti li jzuru dan ir-raħal.

Għaldaqstant ir-residenti qegħdin jappellaw lill-Gvern u lill-Kunsill Lokali sabiex jittieħdu l-miżuri neċċessarji biex jiġu evitati l-inċidenti; bħall-każ li seħħ it-Tnejn li għadda meta trakk tar-ready mix spiċċa biex waqa’ f’kandott.

Ir-residenti qegħdin jappellaw sabiex ikun hemm preżenti, speċjalment fir-rush hours, uffiċjali ta’ Transport Malta ħalli jiggwidaw it-traffiku maġenb l-inġenji li hemm fil-post. Filwaqt li għandhom jitwaħħlu sinjali ċari ta’ zebra crossings sabiex is-sewwieqa jkunu konxji minn fejn qed jaqsmu n-nies.