Fil-jiem li ġejjien, il-Partit Nazzjonalista ser jippreżenta abbożż ta’ liġi fil-Parlament li ser jemmenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta u jintroduċi għall-ewwel darba f’pajjiżna d-dritt għall-ambjent bħala dritt fundamentali tal-bniedem għal ambjent san, nadif u sostenibbli.
Dwar dan tkellmu d-deputati tal-Partit Nazzjonalista; Darren Carabott, Stanley Zammit u Janice Chetcuti f’konferenża tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa waranofsinhar fejn appellaw lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u jagħti l-appoġġ tiegħu għal din il-kawża ġusta.
Darren Carabott irrimarka kif sal-lum il-ġurnata, hemm biss dikjarazzjoni li l-Gvern irid jipproteġi l-ambjent – dikjrazzjoni li ma tistax tiġi infurzata quddiem il-Qorti. Għaldaqstant, b’din l-emenda, jingħata d-dritt għall-infurzar ta’ dritt fundamentali tal-bniedem, u allura l-ogħla livell ta’ protezzjoni possibbli, lill-Ambjent.
B’din l-emenda, se ssir bidla radikali f’pajjiżna, kemm dwar il-mod kif nipproteġu l-ambjent Malti, kif ukoll dwar skrutinju fuq id-deċiżjonijiet ambjentali tal-Gvern.
Darren Carabott sostna li preżentament, il-Partit Nazzjonalista għaddej b’konsultazzjoni pubblika ma’ numru ta’ għaqdiet ambjentali dwar kif tista’ titjieb l-amminstrazzjoni pubblika f’dak li ghandu x’jaqsam mal-Ambjent; konsultazzjoni li tiġbor 3 punti kruċjali – id-definizzjoni aktar wiesgħa ta’ xi tfisser verament il-kelma ambjent, jingħata saħħa legali lil NGOs, Kunsilli Lokali u kull min hu kapaċi li jieħu azzjoni kontra deċizzjonijiet jew policies li jittieħdu mill-Gvern; u ċertezza biex il-Qorti ser ikollha aktar saħħa li tieħu deċizzjonijiet li jwaqqfu jew jipprevjenu azzjonijiet ambjentali li jistgħu jagħmlu ħsara lilna.
Minn naħa tiegħu, Stanley Zammit – il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-ippjanar sostna li l-konsultazzjoni pubblika hija riżultat ta’ proċess ta’ djalogu li l-Partit Nazzjonalista nieda u li ta’ kuljum qiegħed issaħħaħ sabiex mhux biss iġedded il-politika tiegħu dwar l-ippjanar u l-ambjent imma wkoll jindirizza bis-serjeta u bil-fatti problemi kbar u immedjati li qed jolqtu dan is-settur.
IIl-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-ambjent Janice Chetcuti insistiet li l-skop tal-Partit Nazzjonalista hu li jkun il-vuċi għall-dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-ambjent … u li nilħqu l-miri tal-bqija tal-Unjoni Ewropea, bili nkunu l-ewwel kontinent fid-dinja li jkun Climate-Neutral, inqassu l-emissjonijiet li jħammġu l-ambjent, naraw li jkun hemm introduzzjoni ta’ green deal b’mizuri varji li joħolqu aktra efficjenza fl-energija, u nersqu aktar lejn ekonomija ħadra u naħdmu għall-Ewropa aktar ħadra b’ambizzjonijiet klimatiċi komuni.
“Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien pijunier f’dan kollu. Dejjem kien Partit li l-ambjent ipoġġih bħala wieħed mill-pilastri tiegħu. Tajna importanza kbira lil ESGs – kien hemm min kważi irridikolana iżda llum qiegħed isegwina – aħna wara kollox l-ambjent iriduh jaħdem for the common good għal kulħadd. Importanti li meta wieħed jagħti din l-importanza lil ESGs – id-deċizzjonijiet ma jkunux finanżjarji iżda fl-aħħar nett jagħtu dik id-differenza sostenibbli lill-investimenti għal kwalita ta’ ħajja aħjar.”
Janice Chetcuti fakkret kif it-tniġġis tal-arja hija kwistjoni li qiegħdha tinkwieta lil kull faxxa tas-soċjetà tagħna. Filfatt fl-aħħar xhur rajna kif 90% taż-żgħażagħ jinsabu inkwetati li l-ambjent qiegħed jiġi maħnuq, filwaqt li 68% jaħsbu li qiegħed isir żvilupp eccessiv ta’ kostruzzjoni.
Janice chetcuti saħqet li għal Partit Nazzjonalista l-iżvilupp huwa importanti iżda għandu jkun sostennibbli, ppjanat minn qabel, ma joħnoqx l-ambjent ta’ madwarna, u jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja tal-individwu.
//= $special ?>