Lokali Saħħa

Ineħħu l-pazjenti mill-Isptar Boffa minħabba ħsara fis-soqfa

Madwar 20 anzjan ġew kostretti jiċċaqalqu mill-Isptar Boffa għall-isptar Mater Dei b’mod urġenti. Bil-qraba ta’ dawn l-anzjani ma jingħataw ebda raġuni għal dawn it-trasferimenti.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-anzjani kellhom jinħarġu minħabba li żviluppaw ħsarat fis-soqfa tal-Isptar Boffa – sptar li l-Gvern ilu snin ma jinvesti fih.

Il-kwistjoni kollha kienet tirrigwardja s-Sala ‘Sardinella’ fejn jinżammu anzjani illi jkunu qed jistennew post f’Dar tal-Anzjani.

Qarib ta’ aznjan illi tkellem ma’ dan is-sit spjegalna li ħadd ma tah raġuni għal dan it-trasferiment. U meta mar ħdejn missieru kienu diġa’ qabdu u ġabru l-affarijiet personali tiegħu.

Bejn it-Tlieta filgħaxija u l-Erbgħa filgħodu, dawn l-anzjani ittieħdu b’ambulanzi lejn Mater Dei.

Huma fil-fatt qed jinżammu fil-canteen tal-isptar, illi issa inbidel f’sala permanenti. Għalkemm f’dan il-ward għad mhemmx siġġijiet u lanqas pultruni. Dan apparti li l-anzjani lanqas għandhom fejn jieklu.

Persuna oħra qaltilna li lil dawn l-anzjani wegħduhom li xahar ieħor se jsibulhom home. Iżda ħafna mill-qraba għandhom dubji kbar.

Intant, meta huma għamlu kuntatt mal-Ministeru tas-Saħħa il-customer care qed jgħidu li ma jafu b’xejn.