Lokali

Ippjanar ħażin. Skema “Irrestawra darek” li qdiet lill-ftit – PN

Numru kbir ta’ residenti u sidien li xtaqu japplikaw biex jirrestawraw il-binjiet tagħhom f’zoni ta’ konservazzjoni baqgħu b’xiber imnieħer għax l-iskema tal-Awtorità tal-Ippjanar “Irrestawra Darek” kienet ippjanata ħażin.

Il-periti li kellhom jissottomettu l-applikazzjonijiet f’isem il-klijenti tagħhom sabu s-sistema magħluqa wara biss ftit minuti għax is-sistema ma kinitx ippjanata li tilqa’ għan-numru ta’ applikazzjonijiet mistennija.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Stanley Zammit.

Fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista fakkar li kien propju Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li kien introduċa skemi bħal dawn, filwaqt li tenna l-qbil tiegħu ma’ dawn l-iskemi. Skemi bħal dawn mhux biss huma ta’ għajnuna lis-sidien biex jirrestawraw il-propjetajiet tagħhom, iżda jgħinu wkoll biex ikun ippriservat il-Partimonju Malti u biex joħroġ isbaħ il-karattru tal-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li anke jekk kien magħruf li, bħalma ġara kull darba li fetħet din l-iskema, it-talba kienet se tkun waħda kbira, l-Awtorità tal-Ippjanar naqset milli tippjana u timmaniġġja tajjeb is-sistema tagħha.
Hu l-obbligu tal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi li jinvestiga dan in-nuqqas serju min-naħa tal-Awtorità, li jassigura li dawn in-nuqqasijiet ma jerġgħux iseħħu u li jara li l-infrastruttura teknoloġika tkun robusta biżżejjed għal ċirkostanzi bħal dawn.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li s-sitwazzjoni tkun rimedjata minnufih ukoll minħabba li numru kbir ta’ applikanti prospettivi, mhux talli baqgħu b’idhom f’idhom, imma daħlu fi spjejjeż li mhux ser jirkupraw.

Il-Partit Nazzjonalista jitlob li immedjatament tkun ippjanata tajjeb skema simili għaż-żmien qrib, b’parametri trasparenti u ċari u b’sistema adekwata ta’ kif jintlaqgħu l-applikazzjonijiet.

L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tagħti kas tal-kummenti u s-suġġerimenti li saru, inkluż mill-Kamra tal-Periti, u toħroġ immedjatament skema li tibqa’ miftuħa fejn meta n-numru ta’ applikazzjonijiet jeċċedu l-fond allokat, dawn ikunu kkunsidrati meta jkunu allokati fondi ġodda.

Bi skema ppjanata tajjeb għall-futur qrib u fit-tul, l-ispejjeż li għamlu s-sidien u x-xogħol li ħadu l-periti ma jkunux għalxejn, filwaqt li aktar sidien ikunu jistgħu jibbenefikaw u ċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet tagħna jkunu jistgħu jieħdu lura l-karattru tagħhom.