Internazzjonali

Ir-Russja: Uffiċjali Britanniċi ‘fil-mira’, b’Moska tiddikjara lir-Renju Unit bħala ‘għadu etern’

Il-Viċi-Chairman tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russja wissa li l-Uffiċjali għoljin fir-Renju Unit, issa, saru mira ‘leġittima’ għall-assassinar minħabba l-għajnuna li r-Renju Unit qed jagħti lill-Ukrajna biex tirreżisti l-invażjoni mit-truppi tal-Kremlin.

Dmitry Medvedev, eks President tar-Russja u alleat kbir tal-Mexxej Russu Vladimir Putin qal ukoll  li l-appoġġ tal-Britanniċi għall-Ukrajna qed jitqies minn Moska bħala ‘gwerra mhix iddikjarata fuq il-poplu Russu.’ Dan waqt li Medvedev, f’messaġġ fuq Twitter, iddikjara lir-Renju Unit bħala ‘l-għadu etern’ tar-Russja.

Din hi l-ewwel darba li r-Russja ħarġet theddida daqstant ċara u perikoluża fil-konfront tat-Tmexxija ta’ pajjiż tal-Punent, bl-osservaturi jaqblu li t-tensjoni bejn il-Punent u l-Kremlin żdiedet b’mod konsiderevoli minħabba l-kummenti ta’ Medvedev. Dan fost  il-potenzjal li kliem bħal dan iwassal anki għal eskalazzjoni tal-konflitt ‘il hinn mir-reġjun tar-Russja u l-Ukrajna.

It-theddid straordinarju ta’ Medvedev kien ippubblikat wara li s-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, James Cleverly, ħareġ jappoġġja d-dritt tal-Ukreni biex jolqtu miri fl-artijiet tar-Russja. Cleverly, waqt żjara fl-Estonja, tenna li l-Gvern Ukren għandu d-dritt li jiddefendi ruħu kontra l-attakki tar-Russja mhux biss fi ħdan il-fruntieri ta’ pajjiżu iżda anki ‘il hinn mill-Ukrajna. Dan, skont hu, bħala parti minn strateġija ta’ difiża li għandha tnaqqas mill-kapaċitajiet għall-aggressjoni min-naħa tar-Russi.

Ir-reazzjoni tal-Kremlin kienet immedjata, b’Medvedev  jgħid li l-għajnuna militari tal-Britanniċi lill-Ukreni hi kollha parti minn gwerra de facto li Londra qed tmexxi kontra r-Russja.  Hu spjega li s-sitwazzjoni tippermetti biex kull uffiċjal pubbliku fir-Renju Unit,militari u ċivili, ikun ikkunsidrat mira leġittima tar-Russja, li f’dan il-każ ‘ma tkun qed tikser l-ebda regola tal-gwerra’.

It-theddida hi mirata għal kull uffiċjal militari jew tal-Gvern, inklużi Ministri, li l-Kremin iqis li qed jgħinu lill-Ukreni biex jolqtu l-interessi tar-Russja.

Intant, l-osservaturi jemmnu li Dmitry Medvedev jista’ qed jittama li jirritorna bħala President tar-Russja f’każ li Vladimir Putin iwarrab minħabba l-mard inkella jisfa mqaċċat mill-poter dwar il-fallimenti militari ta’ pajjiżu fl-Ukrajna.