Lokali

Ministru li spiċċa jinsulenta l-anzjani minflok jieħu ħsiebhom – PN

Il-Partit Nazzjonalista bi track record ta’ tisħiħ fil-kura tal-anzjani

Għall-Ministru tal-Anzjanità Attiva, l-anzjani fid-dar tal-anzjani ta’ Bormla li lbieraħ ipprotestaw, għamlu dan biss għaliex ġew imxewxa. Dan hu l-mod dispreġġjattiv kif il-Ministru juri li m’għandux fiduċja fl-anzjani.  Kliem li juri li l-Ministru ta’ Robert Abela m’għandux fiduċja fl-anzjani li kapaċi jieħdu huma d-deċiżjonijiet li jolqtu lilhom infushom.

Paula Mifsud Bonnici, Assistent Whip u Kelliema għall-Anzjanità Attiva tal-Partit Nazzjonalista insistiet li minkejja li l-Ministru jippriedka tant li d-deċiżjonijiet li jolqtu l-anzjani għandhom jittieħdu mill-Gvern u l-anzjani flimkien, evidenti li preżentament jinsab jaqa’ u jqum mill-anzjani tagħna. Dan kollu qed iġib impatt negattiv, partikolarment fuq is-saħħa mentali tal-anzjani.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ dejjem favur illi l-anzjani tagħna jingħataw l-aqwa u l-aħjar servizz u huwa għalhekk illi dejjem kien favur proġetti li jgħollu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna.

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqa’ kompletament id-dar ta’ Bormla u anke ċ-Ċentru ta’ matul il-jum bl-iskuża li ġiet mibnija fl-1999, iġġib lil bosta bejn ħaltejn dwar kif u għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni.

Paula Mifsud Bonnici f’isem il-PN isaqsi għalxiex irid iwaqqa’ din id-dar meta fl-aħħar snin sar xogħol fiha ta’ kważi €640,000? Nirrikonoxxu x-xogħol ta’ titjib, iżda llum il-Gvern għalxiex irid jarmi dan it-titjib kollu?

Għal darb’oħra, dan il-Gvern mhux qed ikun trasparenti.  Għal raġunijiet li jafhom hu biss, din id-deċiżjoni arbitrarja tiegħu żammha mistura sakemm inkixef.  Sal-lum ebda rapport ma ġie ppreżentat mill-Gvern biex isostni dak li qed jgħid.

Sal-lum għadha ma saret ebda applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.  Sal-lum dan il-Gvern ma ppreżenta ebda pjanta ta’ dan il-proġett fantażma.

Bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern,il-Kottonera gawdiet għal ħafna snin minn dar residenzjali u ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani.   Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jara din id-dar tibqa’ d-dar naturali tal-Bormliżi u ta’ ħafna anzjani fil-Kottonera; jibqa’ kommess li l-anzjani tagħna jibqgħu jingħataw id-dinjità u r-rispett li jixirqilhom.