Qorti

Repubblika se tieħu l-każ tagħha quddiem il-Qorti Ewropea

Il-Maġistrat Nadine Lia

Il-Qorti Kostituzzjonali illum ikkonfermat deċiżjoni tal-ewwel qorti u cjoe li Repubblika ma għandhiex jedd tilmenta ksur tad-dritt fondamentali ta’ ġudikant imparzjali u indipendenti, wara li l-Maġistrat Nadine Lia kienet ċaħdet it-talba ta’ Repubblika li tirrikuża ruħha milli tisma’ kawża li ġabet Repubblika kontra l-Kummissarju tal-Pulizija għax ma ħax azzjoni kontra l-propjetarju, id-diretturi u l-uffiċjali tal-Pilatus Bank.

Bħal m’għamlet l-ewwel Qorti, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li biex Repubblika jkollha d-dritt tilmenta li mhix tingħata smiegħ xieraq trid turi li għandha interess dirett fil-każ li jkun qed jinstema’.

Kif konna għidna meta tlifna l-kawża quddiem l-ewwel qorti, aħna ddiżappuntati bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-llum.

Waqt li nirrispettaw lill-Qorti Kostituzzjonali, intennu l-fehma tagħna li la l-Liġi ttina d-dritt niftħu kawża kontra l-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-Pilatus Bank, għandu jkun minn ewl id-dinja li għandna wkoll id-dritt li l-kawża tagħna tinstema’ minn ġudikant imparzjali.

Il-Maġistrat Nadine Lia mhix ġudikant imparzjali fil-każ tal-Pilatus Bank. U ma tistax tkun.

Missier ir-raġel tagħna hu l-avukat ta’ Joseph Muscat li għandu interess dirett li dwar il-Pilatus Bank ma jsir xejn. Issa se jkollna nidhru quddiemha biex nargumentaw li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jiġi ordnat jaġixxi kontra sid il-Pilatus Bank meta l-kunjatu tagħha dan ma jridux.

Mill-bidu nett ta’ din il-kawża għidna li din kienet se tkun triq għat-telgħa u li konna ser ngħumu kontra l-kurrent.
Tlabna lill-qrati Maltin jipproteġu d-dritt tas-soċjetà ċivili li ddur fuqhom biex jiskrutinizzaw istituzzjonijiet tal-Istat li ma jagħmlux xogħolhom u jħallu lis-Saltna tad-Dritt titherra. 

F’dan il-każ ma rnexxilniex nipperswadu lill-qrati Maltin. Dan għaliex li filwaqt li huma jirrikonoxxu li jekk int titressaq il-Qorti mill-Kummissarju tal-Pulizija int għandek id-dritt fondamentali tidher quddiem qorti imparzjali, pero jekk inti titlob qorti tordna lill-istess Kummissarju tal-Pulizija biex iressaq il-Qorti ’l xi hadd, hemmhekk int m’għandek ebda dritt tistenna li l-Qorti tkun imparzjali.

Ser nieħdu dan il-każ fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu għax konvinti li l-liġijiet tagħna jridu li kull min għandu dritt jidher quddiem qorti f’Malta għandu wkoll id-dritt impliċitu li jidher quddiem qorti imparzjali. 
Qorti li ma tagħtix il-garanzija li hija qorti imparzjali m’hijiex qorti.

Intennu ħajr tal-għajnuna tal-avukat tagħna Dr Jason Azzopardi u tas-sostenituri tagħna għall-għajnuna finanzjarja biex inħallsu l-ispejjeż tal-qrati. Ir-rebħa aħħarrija f’dan l-argument tkun tfisser garanzija liċ-ċittadini Maltin kollha li jekk imorru l-qorti biex jisfidaw l-impunità ta’ min jikser il-liġi, isibu qorti imparzjali biex tismagħhom.

Intennu wkoll l-impenn li fil-każ tal-Pilatus Bank u kull fejn nafu b’korruzzjoni oħra, nagħmlu kull ma nistgħu biex ma nħallux lil min seraq lill-Maltin u l-Għawdxin kollha jibqa’ jgawdi mill-impunità għall-għemil ħażin tiegħu.