Lokali

Riforma li mhix b’saħħitha biżżejjed biex iseħħ bidla fis-sistema tal-ġustizzja – PN

Il-Partit Nazzjonalista jqis li r-riforma proposta mill-Gvern bħala waħda li mhix b’saħħitha biżżejjed biex isseħħ il-bidla tant meħtieġa fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista huwa favur li ssir riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u tar-rinviji sakemm din issir bħala parti minn riforma aktar ħolistika tas-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.  

Huwa ċar għal kulħadd li s-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna mhix riżultat biss tas-sistema tal-kumpilazzjonijiet u tar-rinviji iżda ta’ numru ferm akbar ta’ prattiċi u sistemi li matul is-snin baqgħu ma’ ġewx aġġornati jew li saħansitra ġew implimentati b’mod żbaljat. 

Il-Partit Nazzjonalista jqis li jkun żball kbir jekk din ir-riforma waħedha titqies bħala s-soluzzjoni għall-problemi kbar li għandha s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna, bl-akbar waħda tkun dik tad-dewmien eżaġerat fis-smigħ tal-kawżi. Hemm ħafna aspetti tas-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna li r-riforma proposta mill-Gvern ma tindirizzax. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li fost oħrajn: 

  1. Jinħoloq Korp ta’ Maġistrati li jkun iffukat esklussivament fuq l-inkjesti; 
  2. Jiżdiedu n-numru ta’ esperti u li jkun hemm reġistru tal-esperti; 
  3. Jiżdiedu n-numru ta’ Maġistrati li jisimgħu l-kumpilazzjonijiet; 
  4. Kull Imħallef u Maġistrat ikollu riżorsi umani u finanzjarji adegwati; 
  5. Jiżdied in-numru ta’ awli fil-bini tal-Qorti; 
  6. Tiddaħħal fis-seħħ sistema komprensiva ta’ diġitalizazzjoni tas-servizzi tal-Qrati; u 
  7. Jiġi abolit il-bżonn li jkun hemm membri tal-Korp tal-Pulizija preżenti f’dawk il-każijiet li fihom l-Avukat Ġenerali huwa l-prosekutur. 

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippubblika dokument dwar ir-riforma proposta fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u tar-rinviji li jinkludi kummenti ġenerali u inizjali tiegħu dwar id-dokument ippubblikat mill-Ministeru għall-Ġustizzja kif ukoll dwar l-aspetti li r-riforma ma tindirizzax.