Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Dun David Muscat fuq ‘hate speech’

L-Imħallef Edwina Grima laqgħet appell magħmul mill-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ Dun David Muscat fejn wara li dan kien illiberat mill-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati fuq ‘hate speech’ u kkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Muscat kien qed iwieġeb mhux ħati fuq diskors ta’ mibegħda (‘hate speech’) u użu ħażin tat-teknoloġija minħabba l-kummenti dispreġġjattivi tiegħu fuq persuni gay. Il-Pulizija kienet ressqet akkużi ta’ reat dwar mibegħda fuq żewġ kummenti li l-qassis poġġa fuq Facebook fil-bidu tas-sena l-oħra. ż

L-ewwel Qorti kienet qalet li wieħed irid jara l-kuntest kollu tal-post iżda l-Qorti tal-Appell Kriminali ma qablitx u qalet li dan kliem offensiv. Id-difiża dejjem qalet li ma kkontestatx il-fatt li l-post inkiteb, u li din kienet risposta għal risposta. L-ewwel Qorti kienet qalet ukoll li hemm bżonn li nużaw aktar għaqal fil-kummenti.

“Xi ħaġa li tingħad minn Dun David trid tingħata u ġġorr ħafna piż u għalhekk kun iżjed prudenti fi kliemek”, kien qal il-Maġistrat Ian Farrugia lil qassis. F’wieħed mill-kummenti, Dun Muscat ta’ 52 sena, tkellem dwar il-possibbiltà li s-suspettat fil-qtil ta’ tfajla Pollakka, Abner Aquilina kien gay, bisesswali jew ippossedut mix-xitan u qal li l-“gayness” hija agħar milli tkun possedut. Il-kumment l-ieħor tpoġġa taħt ritratt li juri lis-suspettat tal-qtil liebes flokk ikkulurit.

Muscat ikkummenta fejn kien qal li Aquilina qisu kien għadu ġej lura mill-‘gay pride’. Il-pulizija setgħet qieset dan il-kumment bħala illegali talli timplika li nies li jattendu l-gay pride huma kriminali. Huwa kien qed jiġi akkużat li kiser l-artikolu 82A tal-kodiċi kriminali, li ġie emendat reċentement, li jgħid li “min juża xi kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużiv jew insultanti…kontra persuna jew grupp ieħor fuq il-bażi ta’ sess, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew li biha tali vjolenza jew mibegħda razzjali jew reliġjuża x’aktarx li, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, titqanqal għandhom, meta jinstab ħati. jista’ jeħel priġunerija għal żmien minn sitta sa tmintax-il xahar.”

Wara l-kummenti tiegħu, Dun Muscat kien issejjaħ fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija, ftit wara li diversi attivisti kienu talbu għall-azzjoni tal-pulizija fil-konfront tas-saċerdot. Għal Muscat deheru l-Avukati Maria Mula u Chris Attard filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.

F’Jannar tal-2022, l-Arċisqof Charles Scicluna ħareġ twissija formali lil Dun David, li fil-Liġi Kanonika hija msejħa preċett penali u tah struzzjonijiet biex fil-fora pubbliċi ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċità l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.

L-Arċisqof qal lil Dun David biex ineħħi post fuq Facebook, fejn is-saċerdot sostna li tkun omosesswali huwa agħar milli tkun ippossedut, u biex ma jużax lingwaġġ insulenti jew li jweġġa’ kontra kwalunkwe grupp jew individwu.