Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ aktar minn€4,000 għal student li ħebb għal Pulizija waqt li kien fis-sakra

Student Tork li jgħix il-Ġermanja li ġie Malta biex jitgħallem l-Ingliż ġie kundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €4,650 wara li ammetta li fis-sigħat bikrin ta’ nhar it-Tlieta filgħodu f’Paceville ħebb għal Surġent tal-Pulizija waqt li kien fis-sakra.

Ufuk Durgut ta’ 24 sena u li f’Malta huwa residenti l-Imsida ammetta quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia li għall-ħabta tal-4am, l-Pulizija marret fuq il-post wara li nqalgħet ġlieda barra l-istabbiliment Havana meta dan kien qed jagħlaq.

L-Ispettur Keith Xerri li ressaq liż-żagħżugħ qal li waqt li l-Pulizija marru kienu qed jipprovaw jikkalmaw is-sitwazzjoni Durgut ta daqqa ta’ ponn fid-direzzjoni tas-Surġent Terry James Mallia fejn spiċċa biex tajjarlu l-camera. Hekk kif kien il-Pulizija kienet qed tipprova tikkalma s-sitwazzjoni Durgut ma kkoperax mal-Pulizija, fejn dak il-ħin kien fi stat ta’ sokor.

Wara iżda, qal l-Ispettur Xerri l-akkużat ikkopera bis-sħiħ u skuża ruħu diversi drabi mas-Surġent inkwistjoni. Huwa ammetta li attakka u ħebb għal uffiċjal tal-Pulizija, li uża theddid bil-ħsieb li jbeżża’ uffiċjal tal-Pulizija, li nġurja lis-Surġent u li wettaq ħsara volontarja fuq “bodyvam magnet clip.”

Durgut ammetta wkoll li kiser il-paċi pubblika u li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Iż-żagħżugħ fil-Qorti skużu ruħu għal dak li għamel u qal li kien qed jammetti l-alkużi kollha miġjubin kontrih.

Il-Qorti qaltlu li l-piena massima li jġorru dawn ir-reati huma ta’ sentejn u seba’ xhur ħabs u multa ta’ €12,500. Hi talbet lill-akkużat biex jitkellem mal-Avukat tiegħu Sue Mercieca dwar l-ammissjoni tiegħu u tagħtu ċans biex jerġa’ jaħsibha.

Wara li tkellem mal-Avukat, Durgut ikkonferma l-ammissjoni tiegħu u għal darb’oħra skuża ruħu għal dak li għamel. Fit-trattazzjoni dwar il-piena l-Ispettrur Xerri qal li l-akkużat għandu kondotta nadifa u li qatt ma ċċappas mal-pulizija u li anke fl-istqarrija kkopera bis-sħiħ, u anke mill-ewwel skuża ruħu mas-surġent, ammetta l-ħtija u li kien fis-sakra, fejn talab lill-qorti biex tmur għal minimu tas-sentenza,

L-Avukat Sue Mercieca qablet mat-trattazzjoni tal-Ispettur fejn qalet li verament jiddispjaċih ta’ li għamel u li dawn l-affarijiet qatt ma għamilhom qabel, lanqas fil-Ġermanja fejn jgħix fejn il-liġijiet huma strett qatt ma kiser difrejh mal-ġustizzja. Qalet li vera li xorob ħafna, u li din mhux skuża, imma kif qalilha l-klijent tagħha, hu mhux bniedem li jagħmel dawn l-affarijiet u li żbalja.

Merceica qalet ukoll li ħabs effettiv ma jkunx ta’ benefiċċju għall-klijent tagħha u li peress li għadu student talbet li l-multa ma tkunx għalja. Filwaqt li l-Maġistrtat Farrugia ikkundannatu għal 15-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €4,650, wissietu biex iħallas il-multa mill-ewwel u fin-nuqqas ta’ dan il-piena tiġi konvertita f’ħabs. Durgut iffirma s-sospensjoni li jfisser li hemm il-possibilità li jappella mis-sentenza.