Sr Giuseppina Darmanin, iċċelebrat għeluq il-mitt sena tagħha. Hija twieldet l-Isla fit-30 ta’ Mejju 2023. Bdiet in-novizzjat fl-età ta’ 20 sena fi ħdan il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Giovanna Antida Thouret magħrufa aħjar bħala s-Sorijiet tal-Karità.
Hija studjat l-Ingilterra fejn laħqet infermiera. Lura Malta, hija ħadmet fl-Isptar San Luqa kif ukoll għallmet fl-Iskola tal-Infermiera mwaqqfa mill-istess sorijiet fl-1948. Fl-1958 ħadet sena taħriġ l-Ingilterra bħala infermiera tal-ENT u fl-1970 kienet appuntata bħala Nursing Officer fejn ħadmet għal ħafna snin fil-sala tal-ENT. Tnejn minn ħutha wkoll daħlu sorijiet mal-istess kongregazzjoni.
Meta rtirat bdiet tagħti l-għajnuna tagħha f’Casa Leone, dar ġdida għall-anzjani f’San Ġiljan. Wara serviet għal diversi snin bħal superjura tal-komunità tas-Sorijiet tal-Karità f’Birżebbuġa. F’dan iż-żmien ħadmet ħafna biex tiġbor flus għall-missjoni b’mod speċjali permezz ta’ Bazaar annwali. Wara għexet fil-komunità ta’ Ħal Tarxien fejn kienet tgħin ħafna fil-kċina. Hija serviet ukoll għal darbtejn fil-Kunsill Provinjali tal-istess kongregazzjoni.
Kull min jaf lil Sr Giuseppina jammira fiha t-tjubija ġenwina tagħha u l-ġenerożità li dejjem għexet fis-silenzju. Hija għandha wkoll il-kapaċità li tnissel sens ta’ paċi madwarha.
Illum Sr Giuseppina tgħix fil-komunità ta’ Ħal Balzan fejn sorijiet anzjani jingħataw il-kura li jkollhom bżonn. Hawnhekk ukoll Sr Giuseppina kompliet tagħti daqqa t’id kif tista’. Hija tagħmel kartolini sbieħ riċiklati biex jinbigħu fil-bazaar tal-missjoni.
L-Isqof Joseph Galea Curmi mexxa quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla f’din l-okkażjoni speċjali ta’ Sr Giuseppina. Il-quddiesa saret fil-kappella tal-Kunvent tas-Sorijiet tal-Karità f’Ħal Balzan.
//= $special ?>