Lokali

Imnedija l-maratona tal-Hospice li se ssir il-Ħadd 9 ta’ Lulju

Bl-Imħabba tiegħek Naslu.

Hija din it-tema li intgħażlet għall-maratona ta’ 12-il siegħa li se ssir nhar il-Ħadd 9 ta’ Lulju – Maratona li Hospice Malta se tkun qed torganizza b’risq tant persuni fil-bżonn u li se tkun qiegħda tixxandar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali.

L-għan ewlieni tal-maratona huwa li jinġabru fondi li jippermettu lil Hospice Malta tkompli tagħti servizzi olistiċi ta’ kura palljativa mingħajr ħlas lil eluf ta’ pazjenti li jbatu minn diversi kundizzjonijiet li jillimitaw il-ħajja, fosthom kanċer, mard relatat ma’ motor-neuron, mard ta’ tmiem il-ħajja, mard tal-qalb, tal-kliewi u tal-fwied. Barra minn hekk, il-fondi miġbura se jikkontribwixxu għat-tlestija tal-aħħar stadji tal-Hospice l-ġdid St Michael, l-ewwel kumpless ta’ kura palljativa f’Malta.

Net News tkellem mac-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernardette Bonnici Kind illi spjegat kif IL-Hospice qed taħdem sabiex tlesti il-proġett tas-St.Michael’s Hospice f’Santa Venera – Proġett li se jwassal sabiex tkompli tissaħħaħ il-kura paljattiva f’Malta li ilha offruta minn Hospice sa mill-1989.

Bernardette Bonnici Kind saħqet li l-għajnuna tal-poplu illum taf issarraf mhux f’għajnuna għal għada, imma għajnuna immedjata għal min issa hu verament bżonnha. Ghaldaqstant appellat għas-sens ta’ altruwiżmu; karatteristika ewlenija tal-poplu Malti u Għawdxi.

Minn naħa tiegħu, Kenneth Delia; il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta  spjega x’se jkun fih dan il-kumpless il-ġdid, fejn qal li fih se tkun qed tingħata l-kura ta’ matul il-jum, inkluż il-kura fil-komunità – iżda mhux biss.

Se jkun hemm ukoll is-servizz tal-inpatients u se jkunu introdotti wkoll kliniċi Out-Patient.

Kenneth Delia tenna li ta’ kull sena Hospice Malta twettaq xogħol impekkabli biex tgħin u tagħti kontribut kruċjali lill-pazjenti, minkejja l-isfidi li huma jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. Għaldaqstant huwa tenna l-appell tiegħu lill-pubbliku sabiex jagħti kontribut … għax il-ftit mingħand il-ħafna tagħmel id-differenza.

Hospice Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex juri l-appoġġ u l-ġenerożità tiegħu biex din il-ħolma titwettaq għall-komunità Maltija u Għawdxija. Donazzjonijiet għall-maratona jistgħu jsiru permezz ta’ diversi mezzi, fosthom telefonati, SMS, pledges, BOV Mobile, u għotjiet online.

Dettalji tad-donazzjonijiet:

TELEFONATI: €25 – 5180 2024 | €50 – 5190 2031 SMS: €11.65 – 5061 9234 ONLINE: https://hospicemalta.org/product/telethon-2023-donation/

BOV Bill Payable or APS Bill Payable

BOV Mobile: 7993 3894

PLEDGES: 2122 0011

Għal aktar tagħrif dwar Hospice Malta u l-maratona ta’ ġbir ta’ fondi, jekk jogħġbok żur is-sit www.hospicemalta.org.