Lokali

Wiċċ B’Ieħor – Julie Pomorski u Kapitlu Tlettax

Xahrejn ilu, waqt it-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika, għamlet id-debutt tagħha Julie Pomorski, f’kollaborazzjoni mal-grupp tal- hip hop Malti Kapitlu Tlettax. Is-silta li preżentaw, Wiċċ B’Ieħor li tagħha Emil Calleja Bayliss u Joseph Mario Calleja huma awturi, filwaqt li Joseph Mario Calleja, Edward Magri, Julie Pomorski u Cyprian Cassar huma kompożituri, ma kinitx magħżula bħala waħda mill-finalisti. Din kienet sorpriża għal diversi nies li wrew id-diżappunt tagħhom fuq il-midja soċjali b’diversi messaġġ, tant li mal-ippubblikar tal-album fuq il-pjattaformi diġitali, dejjem kienet waħda mill-aktar kanzunetti li ndaqqu. Sal-lum indaqqet aktar minn 10,000 darba, it-tielet l-aktar.

L-għada tar-riżultat, f’messaġġ miktub fuq il-paġni tal-midja soċjali tagħhom, il-membri ta’ Kapitlu Tlettax saħqu, ‘aħna ċerti li Wiċċ B’Ieħor għandha ħajja lil’hinn mill-kompetizzjoni’ u għaldaqstant ma kinitx sorpriża li proprju ftit tal-ħin ilu, ġie mniedi l-vidjo mużikali tagħha. Il-vidjo, li ġie ffilmjat kemm ġewwa kif ukoll barra, baqa’ leali ħafna lejn il-lirika tal-kanzunetta. Fi kliem l-awturi, ‘titratta s-suġġetti tal-imħabba u l-infedeltà li jitħalltu flimkien mingħajr ma wieħed jirrealizza l-konsegwenzi li jistgħu joħolqu jekk relazzjoni bħal din tibqa’ għaddejja, anzi tkompli tikber. It-turija ta’ wiċċ b’ieħor hija biex ħadd ma jweġġa’ lil ħadd, speċjalment ir-reputazzjoni ta’ dawk kollha involuti.’

Għalkemm fil-futur qarib dawn l-artisti m’għandhomx proġetti pjanati flimkien, ma jeskludux il-fatt li jerġgħu jikkollaboraw flimkien għaliex f’xulxin sabu ħbiberija ġdida, dejjiema. Apparti l-vidjo mużikali ta’ Wiċċ B’Ieħor li huwa disponibbli fuq il-paġni tal-midja soċjali ta’ Julie Pomorski u Kapitlu Tlettax, tistgħu wkoll tisimgħu l-kanzunetta fuq kull tip ta’ pjattaforma diġitali grazzi għal CAP-Sounds. Infakkrukom ukoll li l-kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.