Lokali Qorti

Xahrejn ħabs u multa ta’ €3,000 wara li ma riedx jixhed kontra l-aħwa Muka

Il-ġojjellerija ta' Diamonds International fl-istat oriġinali qabel is-serqa

Raġel li kien nstab ħati li għen żewġ aħwa qabel is-serqa armata fil-ħanut Diamonds International Tigne’ fl-2017, ġie kundannat xahrejn ħabs u mmultat €3,000 wara li rrifjuta li jixhed kontrihom. Artan Coku, ċittadin Albaniż ta’ 31 sena li jgħix fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi, fi Frar tas-sena l-oħra kien ingħata sentenza ta’ ħabs effettiva ta’ erba’ snin wara li nstab ħati ta’ involviment fil-konfoffa li wasslet għas-serqa vjolenti.

Ir-rwol ta’ Coku kien li jesplora ż-żona ta’ Tigne’ fejn kien jinsab il-maħżen tal-ġojjellerija, jagħti nformazzjoni fuq it-tqassim ġenerali tal-post, u jiżgura wkoll li l-ħanut ikun miftuħ dakinhar tas-serq ippjanat. Dakinhar, żewġ ħallelin b’maskra u armati daħlu fil-ħanut, u ordnaw lill-assistent tal-ħanut biex jgħaddi l-ġojjellerija.

Madankollu, l-assistent irrifjuta, inqalgħet ġlieda u kemm l-assistent tal-ħanut kif ukoll gwardjan tas-sigurtà weġġgħu. Il-ħallelin farrku għadd ta’ twieqi u vetrini, b’ġojjelli li jiswew eluf ta’ ewro. Ftit jiem wara, Daniel Muka, tressaq il-Qorti bħala wieħed mis-suspettati, u wieġeb mhux ħati tas-serqa aggravata. Coku tressaq il-Qorti xi ġimgħat wara. Begtash Muka ġie mixli dwar is-serqa kbira ta’ ġojjellerija wara li testijiet tad-DNA allegatament rabbuh mal-każ.

Il-Maġistrat Joseph Gatt qal li l-argument miġjub mill-avukat tal-imputat li huwa qiegħed jibża’ minn xi retribuzzjoni fil-konfront tiegħu u tal-familja tiegħu jekk jixhed f’dan l-istadju, ma tistax tkun ta’ wens għalih għaliex din mhijiex ċirkostanza msemmija fil-liġi biex persuna tiġi eżentata milli tixhed f’kawża.

Li kieku jkun mod ieħor, kull xhud jinħeles mid-dmir tiegħu li jixhed billi jallega li jekk ħa jagħti x-xhieda tiegħu huwa jkun espost għal xi periklu. Fuq kollox, ma nġabet l-ebda prova li l-imputat ġie mhedded u għalhekk din il-Qorti ma tistax toqgħod fuq is-sempliċi allegazzjoni tal-avukat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent James Grech.

Il-ħallelin Albaniżi kienu użaw pistola modifikata u shotgun illegali b’kanna qasira fit-tentattiv tagħhom li jagħmlu ‘hold up’ fil-ħanut tal-ġojjelli. Artan Coku u Daniel Muka kienu ġew arrestati b’rabta mal-‘hold-up’ tat-Tigné Diamonds International f’Ottubru 2017.

It-tielet wieħed, ħu Muka Begtash, inqabad ukoll aktar tard mill-pulizija fl-2019. Żewġ persuni, inkluż gwardjan tas-sigurtà, weġġgħu waqt is-serqa. Coku kien ix-xufier filwaqt li l-irġiel aħwa armati kienu lebsin maskri u parrokki u li kien rappurtat li kellhom xkubetta, pistola, oġġetti qieshom dawk li jintużaw fil-cricket u mannara, Huma kienu daħlu bis-salt fil-maħżen Diamonds International f’Tigné Point fil-5 ta’ Ottubru 2017.

Żewġt irġiel u mara, manager tal-ħanut, bejjiegħ u assistent tal-ħanut, kienu ġewwa fil-ħin tal-inċident. L-assistent tal-ħanut sofra ġrieħi ħfief f’siequ. Uffiċjal anzjan tas-sigurtà li kien qed jaħdem f’Tigné Point kien ġera lejn il-ħanut meta sema’ ħsejjes qawwija u tellef liż-żewġt irġiel hekk kif żammew l-istaff bħala ostaġġi hekk kif kienu armati u ħadu ġojjellerija mill-vetrini. L-uffiċjal anzjan kien spiċċa bi ġrieħi f’rasu.