Lokali Saħħa

CHRIS FEARNE JIKSER IS-SILENZJU: Jgħid li ma kienx jaf b’dawn l-allegazzjonijiet

Ritratt: Matthew Tabone

B’reazzjoni għall-allegazzjonijiet li feġġew fuq portals barranin ilbieraħ dwar Carmen Ciantar, il-Ministru Chris Fearne insista illi din kienet l-ewwel darba li tali allegazzjonijiet ġew għall-attenzjoni tiegħu.

Minkejja li l-allegati avvenimenti msemmija f’dawn l-artikli jikkwotaw dati li ġraw qabel l-impjieg ta’ Ciantar mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, u minkejja li hi rrifjutat l-allegazzjonijiet, id-Deputat Prim Ministru qal illi hu ħass il-ħtieġa li jaċċetta, immedjatament, is-sospensjoni tagħha mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-FMS. Dan meta Carmen Ciantar kienet hi li talbet is-sospensjoni, u mhux il-Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru, fi stqarrija xotta, appella lill-Pulizija u l-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jaġixxu mill-iktar fis b’investigazzjoni tagħhom sabiex toħroġ il-verità kollha.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, sa issa, baqa’ totalment sieket dwar dawn ir-rapporti serji li ħarġu fil-Pakistan u li komplew ħammġu isem pajjiżna.

Ilbieraħ sar magħruf illi Carmen Ciantar – il-Kap eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-id il-leminija tal-Ministru tas-saħħa Chris Fearne – issospendiet lilha nnifisha mill-kariga. Dan wara li ġie ppubblikat artiklu fil-midja fejn ġie allegat li rċeviet €443,500 mill-kumpanija Gozo International Medicare Ltd, parti mill-grupp VGH.