Lokali

“Għalfejn mgħaġġel biex iwaqqa’ d-dar tal-anzjani?”

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx jisma’ l-appelli tar-residenti fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, u jum wara l-ieħor qiegħed jinsisti li jinjora l-fatt li dawn il-persuni ma jridux joħorġu minn Bormla jew mill-Kottonera; ma jridux jitilqu lil sħabhom u t-tieni familja tagħhom.

Dan filwaqt li l-Ministru responsabbli mill-anzjani, Jo Etienne Abela għadu ma spjegax bi preċiż għal liema raġuni jrid jiżgombra 120 resident minn din id-dar u jisparpaljahom fi djar madwar Malta…..meta lanqas biss għad hemm pjanijiet u permessi sottomessi mal-Awtorità tal-Ippjanar għat-twaqqiegħ u bini mill-ġdid ta’ dar.

Intervistata fil-programm Net Live, id-Deputata Nazzjonalista u Kelliema għall-Anzjanità Attiva, Paula Mifsud Bonnici saħqet li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li indipendentament minn fejn inti – kulħadd għandu jkollu dar residenzjali xierqa, anke fil-Kottonera

Il-Ministru Abela għadu lanqas biss spjega meta se jkun qiegħed isir dan it-twaqqiegħ, u meta se jitlesta dan il-proġett li ċertament mistenni jkaxkar is-snin.

Paula Mifsud Bonnici sostniet li hija ppretendiet li l-Ministru Abela jippreżenta r-rapporti li għandu f’idejh u li juri – suppost – għal liema raġuni din id-dar għandha taqa’. Iżda sal-lum, dan għadu misteru..

Hija kompliet tisħaq li la hemm tenders maħruġin u wisq inqas il-Ministru jidher li m’għandux idea li l-post huwa urban conservation area, fatt li jaf ikun problematiku għat-twaqqiegħ tar-residenza kollha.

Jidher ukoll illi ħadd mill-Gvern ta’ Abela ma huwa qed ikun sensittiv jew empatiku biżżejjed sabiex mhux biss jieħu ħsieb lill-anzjani tagħna b’mod fiżiku, iżda s-saħħa mentali ta’ dawn in-nies qed tingħata l-ġenb b’mod assolut.

Dan hekk kif l-esperti qed jisħqu li fatt bħal dan jaf jikkawża trawma kbira lil dawn l-anzjani u jikkawża dak li medikalment huwa magħruf bħala Relocation Stress Syndrome. Stress fuq l-anzjani li mhux biss ibiddlu l-post u l-ambjent ta’ madwarhom iżda joħorġuhom mir-rutina, mil-lokalità li huma mdorrijin fiha għomorhom kollu, il-qraba u ħbieb li jgħixu hemm….u jċaħduhom minn sħabom ir-residenti l-oħra.

Paula Mifsud Bonnici insistiet li mhux sew li l-anzjani qed jiġu trattati b’dan il-mod.