Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Zelensky jinsisti għall-isħubija fl-UE u n-NATO

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, irrepeta t-talba biex l-Ukrajna titħalla tissieħeb ‘b’urġenza’ fin-NATO u l-Unjoni Ewropea.

L-appell sar waqt li Zelensky kien fil-Moldova għas-summit tal-Komunità għall-Politika Ewropea u fejn hu iltaqa’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen. It-taħditiet bejnu u von Der Leyen, fost oħrajn, ittrattaw il-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna waqt li l-pajjiż qed jistenna għal sħuibija fin-NATO.

Min-naħa tagħha,Von der Leyen  bagħtet tweet mis-summit fejn qalet li l-Ukrajna ‘għamlet progress notevoli lejn l-isħubija fl-UE’ u li l-Unjoni u l-Ukreni se jkomplu jaħdmu flimkien mill-qrib biex jilħqu t-tragwardi neċessarji.

Sadanittant, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal, waqt laqgħa f’Oslo, fin-Norveġja, li l-Alleati tal-Punent kollha qablu li l-Ukrajna għandha ssir membru tal-Alleanza.