Lokali

“Il-Ministru għandu jassigura s-sigurtà tal-istudenti u l-għalliema kollha” – Il-UPE

Il-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE) ikkundannat in-nuqqas t’azzjoni mill-Ministru tal-Edukazzjoni wara li grupp ta’ studenti tas-sekondarja mill-Kulleġġ San Injazju, Ħal Qormi dehru f’filmat jwettqu vandaliżmu fil-klassijiet, fosthom iqabbdu bin-nar bin.

Il-Union, fi stqarrija, qalet li s-sospensjoni tal-istudenti mhix biżżejjed biex tkun assigurata s-sigurtà tal-istudenti u l-għalliema kollha f’din l-iskola. Huma appellaw li azzjonijiet oħra għandhom jittieħdu biex ikun assigurat li atti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

Il-UPE qalet li l-għalliema m’għandhomx jintelqu għal rashom mingħajr l-għajnuna tal-awtoritajiet konċernati.

Il-filmat juri numru ta’ studenti jwaddbu l-imwejjed fil-klassijiet u saħansitra jaqbżu minn madwar sulari għoli għal isfel.