Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici jiddefendi ċ-ċensura tal-PBS b’rabta mal-protesta ‘Xebbajtuna’

Il-PBS jinjora s-Sindki Laburisti – Bonnici jgħid li min irid jista’ jilmenta mal-Awtorità tax-Xandir

“Jien ma nindaħalx – jien għandi fiduċja f’min huwa responsabbli mil-linja editorjali tal-aħbarijiet tax-Xandir tal-Istat.”

Sostna dan il-Ministru responsabbli mill-istazzjonijiet tal-PBS, Owen Bonnici, meta l-Ħamis filgħodu Net News staqsieh dwar iċ-ċensura li saret fir-rappurtaġġ b’rabta mal-protesta nazzjonali ‘Xebbajtuna’ li saret is-Sibt li għadda.

Fl-aħħar jiem, anke l-eks Ministru Laburista u ħabib ta’ Bonnici, Evarist Bartolo, żbilanċja ruħu fuq Facebook u kkundanna l-fatt li s-Sindki Laburisti tal-Gżira u tal-Qala, ċioè Conrad Borg Manche u Paul Buttigieg, ġew injorati mill-kamra tal-aħbarijiet tax-Xandir.

B’ton sarkastiku, Bartolo saħaq li jekk xi ħadd isib lil dawn is-Sindki għandu jinforma mill-ewwel lill-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS..hekk kif stqarr li tal-PBS ma semgħux u ma rawhomx jitkellmu dwar il-bini esaġerat li għaddej u li qed iħassar lill-pajjiżna.

Iżda għal Owen Bonnici dan mhux kundannabbli u hu qalilna illi infurmat li r-rappurtaġġ kien wieħed estensiv.

Huwa għaldaqstant iddefenda tali aġir u sostna li kull minn għandu xi ilment huwa fil-libertà li jirrapportah lill-Awtorità tax-Xandir.