Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin urtat ‘għas-silenzju mill-komunità internazzjonali’ wara l-attakki

I

Jidher li, fil-preżent, hemm dimensjoni ġdida għall-gwerra fl-Ukrajna u li ma kenitx għal kollox imprevedibbli. Dan waqt li l-Ministeru tad-Difiża fir-Russja qed jgħid li rreżista għal diversi azzjonijiet mill-qawwiet Ukreni li pruvaw jaqsmu mill-fruntiera lejn it-territorji kontrollati mir-Russi.

Il-Kremlin f’Moska qal li s-suldati Ukreni riedu ‘jinvadu’ lir-reġjun ta’ Belgorod li qed imiss mal-Ukrajna u li r-Russi użaw l-ajruplani tal-gwerra u l-artillerija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni – bl-Ukreni ma jirnexxilhomx jinfiltraw ‘il ġewwa fir-Russja,.

Aktar qabel, l-awtoritajiet Russi qalu li numru ta’ nies kienu ndarbu waqt attakk fuq ir-reġjun ta’ Belgorod – bil-Gvernatur tar-reġjun, Vyacheslav Gladkov, iwaħħal fit-truppi Ukreni għall-bumbardamenti fuq il-belt ta’ Shebekino.

Intant, il-Gvern Ukren ma weġibx għall-akkużi tar-Russi — bil-Kremlin jikkundanna  dak li fisser bħala s-silenzju min-naħa tal-komunità internazzjonali dwar l-allegat theddid lir-Russja.

Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Kremlin qalu li l-President Russu Vladimir Putin qed ikun aġġornat kontinwament dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Belgorod.

Fl-aħħar sigħat ukoll komplew l-attakki tar-Russi fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, u fejn waħda mill-missili sparata lejn il-belt qatlet talanqas tliet peruni, fosthom tifla żgħira. Dan kien ir-raba’ attakk tar-Russi fuq il-kapitali Ukrena fi żmien ġimgħa u wara s-sbatax-il attakk fuq Kiev matul ix-xahar ta’ Mejju.