Lokali Qorti

Is-sindku tal-Mellieħa jitlef l-appell fuq ħabta kerha fil-bypass tal-Mellieħa fl-2015

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri kkonfermat sentenza tal-ewwel qorti li f’Novembru ta’ erba’ snin ilu sabet lis-Sindku Laburista attwali tal-Mellieħa – Dario Vella ħati li weġġa’ gravi passiġġier f’minibus f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Awwissu tal-2015 fil-bypass li tagħti għall-bajja tal-Mellieħa.

Vella li dak iż-żmien kien kunsillier kien ukoll iddaħħal l-isptar f’qagħda kritika wara ħabta head-on fi Triq Louis Wettinger. L-inċident seħħ meta Toyota Coaster misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żabbar ħabtet ma’ Toyota Aygo li kienet ġejja minn Vella. Iż-żewġ sewwieqa, kif ukoll erba’ passiġġieri Ingliżi fil-vann – raġel ta’ 48 sena, mara ta’ 38 sena u żewġ bniet ta’ 10 u sitt snin rispettivament, weġġgħu wkoll u ttieħdu l-Isptar Mater Dei f’ambulanza.

Huwa nstab ħati li b’nuqqas ta’ ħsieb u bi traskuraġani ħabat ma’ minibus u b’mod involontarju weġġa’ raġel b’mod gravi u erba’ persuni oħra b’mod ħafif. Għal xi żmien, Vella kien ukoll fil-periklu li jitlef ħajtu. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet immultatu €232 u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tliet xhur.

Metya xehed quddiem l-espert il-Perit Richard Aquilina, Dario Vella qal li kien qed isuq fil-by pass u qabeż il-barriera l-antika u li kien qed isuq fid-direzzjoni lejn Selmun, fil-karreġġjata ta’ barra u f’daqqa waħda, wieħed minn ġol karreġġjata ta’ ġewwa qabeż b’veloċita’ kbira, mar quddiemu u għafas il-brejk u hu (Vella) għall-ewwel ġibed lejn ix-xellug u wara lejn il-lemin u l-vettura ħaditu.

L-Imħallef Camilleri qal li l-appellant Vella mhuwiex kredibbli meta jgħid li kien qed isuq bi speed ta’ madwar 65 u 70 kilometru fis-siegħa u dan peress li sewwieq li ma jkunx qed isuq b’sewqan eċċessiv ikun jista’ jirreaġixxi b’mod ħafna aħjar milli fil-fatt ġara f’dan l-inċident.

L-Imħallef Camilleri qal li Vella tilef il-kontroll tal-karozza minħabba sewqan eċċessiv u li x-xufier tal-minibus kien qed isuq bil-galbu. Tenna wkoll li Vella ma kienx kredibbli meta qal li saq b’veloċità ta’ bejn 65 u 70 kilometru fis-siegħa. Hu kkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati ħlief għall-akkuża li fiha Vella nstab ħati li weġġa’ waħda mill-passiġġieri għar-raġuni li l-prosekuzzjoni ma ppreżentatx il-kwerela meħtieġa meta persuna tweġġa b’mod ħafif u l-vittma ma xehditx. Il-multa niżlet bi ftit għal €200 u ġiet ikkonfermata l-iskwalifika tal-liċenzja għall-perjodu ta’ tliet xhur.