Unjoni Ewropea

L-MEPs jitolbu protezzjoni urġenti tal-elezzjonijiet Ewropej 2024

Il-Parlament qed jistenna żieda fl-indħil u fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni

Il-Parlament jitlob strateġija kkoordinata li żżid ir-reżiljenza tal-UE għall-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u li tipproteġi l-elezzjonijiet Ewropej 2024.

It-twissija ngħatat f’rapport mill-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni. Ir-rapport ġie adottat mill-plenarja b’469 vot favur, 75 kontra u 71 astensjonijiet.

L-MEPs jenfasizzaw l-indħil fuq pjattaformi online, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u s-setturi strateġiċi, l-indħil matul il-proċessi elettorali, il-finanzjament moħbi tal-attivitajiet politiċi minn atturi barranin u r-reżiljenza għas-cyberattacks. Ir-rapport jiffoka b’mod partikolari fuq l-indħil mir-Russja u ċ-Ċina fl-UE, fil-pajjiżi li qed japplikaw biex jissieħbu mal-UE, inklużi l-Balkani tal-Punent, u fil-pajjiżi tan-Nofsinhar Globali.

Il-Parlament jikkundanna l-fenomenu perikoluż tad-diżinformazzjoni kkummissjonata, fejn il-fornituri joffru servizzi ta’ diżinformazzjoni, pereżempju fuq id-dark web, lill-atturi tal-gvern u mhux tal-gvern, biex jattakkaw proċessi elettorali.

L-MEPs jenfasizzaw ukoll ir-riskji tad-dipendenza ekonomika, l-ispjunaġġ u s-sabotaġġ, fejn il-kumpaniji barranin jakkwistaw influwenza fuq infrastruttura kritika tal-UE. Huma żiedu jgħidu li kumpaniji tat-tbaħħir Ċiniżi akkwistaw maġġoranza jew ammont imdaqqas ta’ interessi f’aktar minn 20 port Ewropew.

L-MEPs jirrakkomandaw ukoll il-projbizzjoni ta’ TikTok fil-livelli kollha tal-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE u jitolbu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jeskludu l-użu ta’ tagħmir u software li ġew manifatturati f’pajjiżi b’riskju għoli.

Il-Parlament irid li strateġija kkoordinata tal-UE tinkludi inizjattivi ġodda flimkien ma’ infurzar imtejjeb ta’ dispożizzjonijiet eżistenti, u jitlob finanzjament adegwat biex jindirizza d-diżinformazzjoni u jħares il-proċessi demokratiċi.

Ir-rapport isegwi l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni dwar l-indħil barrani addottat f’Marzu 2022.