GSSE Malta 2023 Sport

Malta tirbaħ Deheb u Fidda fl-isparar

It-13-il midalja tad-deheb għal Malta tasal fl-isparar hekk kif it-tiratur Matthew Grech rebaħ fid-double trap.

Grech kien konsistenti u f’kull round dejjem kien l-aktar tiratur li laqat plattini. Hu temm b’26/30, 29/30, 29/30 u 26/30 għal total ta’ 110/120.

Sodisfazzjon ukoll għal William Chetcuti li kklassifika fit-tieni post biex b’hekk f’din il-kategorija Malta rebħet deheb u fidda.

Chetcuti laqat b’kollox 102/120 wara riżultati ta’ 23/30, 29/30, 25/30 u 25/30 fl-erba’ rounds.

Dawn kienu l-ewwel żewġ midalji mirbuħa mill-Maltin f’din ir-raba’ ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Diżappunt għal Gian Marco Berti ta’ San Marino li saħansitra spiċċa tilef anki l-midalja tal-bronż hekk kif inqabeż bi plattina minn Lyndon Sosa tal-Lussemburgu.

Ritratt: Martin Agius