Lokali Qorti

Mandat ta’ arrest internazzjonali għal Portugiż mixli bi traffikar ta’ droga li ilu ma jidher il-Qorti sena

Il-Qorti ordnat biex sal-Ħamis l-1 ta’ Ġunju jsiru l-mandati fil-konfront ta’ Portugiż mixli b’importazzjoni għat-traffikar ta’ madwar ħames kilos droga li biex jinġieb Malta wara li dan ħarab minn Malta waqt li kien bi pleġġ. Il-Maġistrat Joe Mifsud f’verbal qal li mill-atti jirriżulta li Pedro Henrique Correia De Sousa ta’ 40 sena ilu ma jidher il-Qorti sa  mit-28 ta’ Ġunju 2022.

Filwaqt li l-Pulizija u l-Uffiċjal Prosekutur dejjem infurmaw lill-Qorti li l-imputat ma jistax jinstab, xorta baqgħu jinħarġu r-rinviji mingħand l-Avukat Ġenerali, nkluż l-aħħar wieħed fit-22 ta’ Mejju, qiesu kollox nornali fejn la l-Prosekuzzjoni kif ukoll l-Avukat Ġenerali ma ndenjaw ruħhom jibdew proċeduri ta’ mandat internazzjonali Ewropew ta’ arrest biex l-imputat, li jinsab akkużat b’akkużi serji ta’ ammont kbir ta’ droga, jinġieb lura Malta ħalli l-proċess tiegħu jkun jista’ jitkompla u ħadt ma jitħalla jaħrab mill-jwieġeb għal għemilu quddiem il-Qorti.

Is-suspettat traffikanti tad-droga kien identifikat minn kelb fid-dwana f’Settembru tal-2018, u għata l-libertà proviżorja, erba’ xhur wara li talba preċedenti kienet ġiet miċħuda. Correia De Sousa minn Setubal, il-Portugall, jinsab mixli li importa erba’ kilos cannabis kif ukoll kokaina u ecstacy, u li naqas milli jipprova li kienu maħsuba għall-użu personali.

Kienet saret tfittxija fuq ir-raġel mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fuq titjira minn Madrid, wara li l-kelb tax-xamm indika lis-suspettat waqt kontrolli ta’ rutina fuq il-passiġġieri. Tfittxija personali tar-raġel u screening tal-bagalji tiegħu kienu rriżultaw erba’ pakketti cannabis li jiżnu madwar erba’ kilos u d-droga l-oħra msemmija. Sussegwentement is-suspettat kien tressaq il-Qorti, wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat wara li t-talba tiegħu għal libertà proviżorja ġiet miċħuda.

Erba’ xhur wara, ġiet milqugħa talba ġdida għall-ħelsien mill-arrest taħt numru ta’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-qorti, kontra depożitu ta’ €10,000, u garanzija persionalu ta’ €15,000 minn terzi. L-imputat ġie ordnat ukoll jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ kuljum u jirrispetta curfew bejn is-6pm u s-6am.

Meta tat il-libertà proviżorja, il-qorti ħadet nota tal-aġir preċedenti tal-akkużat, l-istadju tal-proċeduri li għaddejjin kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ. L-avukat Roberto Montalto huwa l-avukat difensur.  Fit-talba għall-ħruġ ta’ mandat internazzjonali l-Maġistrat Joe Mifsud bagħat ukoll komunika lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa, lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, lill-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.