Internazzjonali

New Zealand: Jiffaċċja ħames akkużi ta’ omidiċju dwar in-nirien fil-hostel

Il-Pulizija fi New Zealand akkużaw raġel ta’ 48 sena b’ħames każi ta’ omiċidju b’konnessjoni man-nirien, f’nofs ix-xahar li għadda, li qerdu hostel fil-belt ta’ Wellington.

Il-kumpless kien jismu Loafers Lodge u kien iservi għall-akkommodazzjoni temporanja tal-persuni li qed jiffaċċjaw problemi ta’ housing.

Fin-nirien tas-16 ta’ Mejju mietu ħames irġiel b’etajiet bejn il-50 u s-67 sena. Intant, l-inċident kompla jixpruna d-dibattitu dwar il-kriżi tal-housing fi New Zealand peress li fis-sit partikulari kienu qed jgħixu membri tal-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati mis-soċjetà.

Hu minnu wkoll li ħafna ħaddiema fl-isptar ta’ Wellington,  li jinsab viċin il-hostel, kienu qed jużaw l-istess kumpless bħala residenza għal qasir żmien.

L-arrest tal-imputat seħħ wara li l-pulizija mexxew inkjesta dwar omiċidju u wara li huma fissru l-każ bħala ‘reat li kien ippjanat mill-persuna responsbbli’.

Fil-ħin meta qabdu n-nirien kien hemm talanqas 100 resident fil-bini u, waqt l-emerġenza, uħud kienu kostretti li jitkaxkru mal-art, qalb il-fjammi u dħaħen, sakemm laħqu liz-zoni sikuri. Oħrajn, imbagħad, spiċċaw salvati minn fuq il-bejt tal-hostel inkwistjoni.