Lokali Saħħa

Pazjent imjassar frott in-negliġenza tal-Gvern ta’ Robert Abela – PN

Huwa ta’ tħassib kbir li kaġun tan-negliġenza tal-Gvern, pazjenti li kienu jinsabu fl-isptar Sir Paul Boffa fil-Floriana spiċċaw traferiti lejn Mater Dei u qed jinżammu fil-kurituri.

Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputati Stephen Spiteri u Ian Vassallo.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jinvesti l-miljuni fis-settur tas-saħħa tassew, fil-ħaddiema mediċi u fil-pazjent. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jagħraf jagħti d-dinjità lill-pazjent.

Fil-ħidma tiegħu l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jgħożż is-settur tas-saħħa. Fl-aħħar jiem tħabbru għadd ta’ pjanijiet tal-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur, fosthom;

– Li jkunu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa biex ikunu attirati aktar nies lejn dawn il-professjonijiet;

– Li jsir investiment fl-Isptar San Luqa u li dan ikun inkorporat fis-sistema tas-saħħa. B’hekk ikun hemm żieda fl-ammont sostanzjali ta’ sodod bżonnjużi għall-pazjenti;

– Ikun hemm apparat tas-saħħa mill-aktar modern, li jgħin bl-aqwa mod fil-kura tal-pazjent;

– Li jinbena sptar ġdid għas-saħħa mentali, li ilu jiġi mwiegħed snin twal u li qatt ma sar.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess li jara li jsir investiment denju fis-settur tas-saħħa, u li flus il-poplu Malti u Għawdxi jkunu investiti fil-poplu kollu, u mhux fil-ftit.